L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublika ċifri li juru żidiet notevoli fl-impjiegi f’pajjiżna.
Meta wieħed iqabbel Diċembru 2015 mal-istess xahar sena qabel, isib li l-impjiegi full time żdiedu b’7,106. Fl-istess ħin, dawk bla xogħol naqsu b’1,672.
Minn dawn, 7,064 impjieg inħolqu fis-settur privat, filwaqt li 42 impjieg inħolqu fis-settur pubbliku.
Dawk li huma full-time u jaħdmu għal rashom żdiedu b’603 persuna f’sena waħda biss. Dawk il-persuni li issa qed iħaddmu lin-nies żdiedu b’6,503.
L-impjieg full time fost l-irġiel żdied b’3.1% filwaqt li fost in-nisa żdied b’6.4% mill-2014 għall-2015.
Xogħol part-time żdied b’5.6% bejn Diċembru 2015 u Diċembru 2014.
B’reazzjoni għal dan, il-Gvern qal li wara li l-ġimgħa li għaddiet statistika maħruġa mill-NSO uriet li l-ġid nazzjonali f’pajjiżna qed jikber tliet darbiet iktar mill-medja Ewropea, issa għandna konferma kemm dan il-ġid qed iwassal għal żieda qawwija fl-impjiegi.
Il-Gvern innota li taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ 3,000 elef impjieg fis-servizzi amministrattivi, madwar 1,600 fis-servizzi tekniċi u professjonali, 1,500 fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ 1,200 full-timer fl-informatika u l-komunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 1,400 impjieg fis-settur tal-bejgħ, 1,200 impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ 2,000 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’200 fil-manifattura u b’600 mija fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elf u erba’ mitt impjieg full-time.
Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm 1,500 mitt persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika biex jagħtu servizz aħjar lill-familji.
Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija fejn kien hemm żieda ta’ elf impjieg full-time. Dan it-tkabbir, fi ftit aktar minn nofs il-leġiżlatura, huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.
“Dawn ir-rizultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern qed twassal għal tkabbir ekonomiku li jissarraf f’bidla pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna,” temm jgħid il-Gvern.