Fir-risposta tiegħu għad-diskors tal-kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ, il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar tliet snin u nofs iffukat fuq it-tkattir tal-ġid fosthom bil-ħolqien ta’ iżjed postijiet tax-xogħol.
Postijiet tax-xogħol li taħt dan il-Gvern żdiedu bi tnejn u għoxrin elf, kontra dak li kien jippretendi li jilħaq il-Gvern ta’ qabel.
“Dan ifisser li f’nofs leġislatura żidna x-xogħol daqs kemm żdied fit-3 leġislaturi ta’ qabel. Mhux ta’ xejn li dak li l-livell ta’ xogħol li kienu qalu lil Kummissjoni Ewropea li se jilħqu sal-2020, aħna ilħqnieh f’sena wara.”
Dan il-Gvern daħħal miżuri biex ma jkunx hemm iżjed żgħażagħ taħt it-23 sena fuq il-benefiċċji soċjali, iżda jistudjaw, jitħarrgu, jew jaħdmu. Il-Prim Ministru fakkar li llum fadal biss 18-il żagħżugħ li qed jirreġistraw u jieħdu għajnuna soċjali. Dawn se jitħarrġu taħt dan il-Gvern, u jsibu xogħol.
Il-Prim Ministru semma l–istipendju għall-istudenti tal-Alternative Learning Programme u għal dawk li jirrepetu sena. Miżuri li jħeġġu lit-tfal u ż-żgħażagħ jagħmlu ħilithom biex jirnexxu.
“Dawn int kont kontriehom għax għidt m’hemm flus. Ara biex ħadtu €500 fil-ġimgħa, kien hemm” fakkar il-Prim Ministru.
Fl-istess waqt is-single parents li tant kienu jsibu sfidi, issa għandhom iktar opportunitajiet u inċentivi li jmorru jaħdmu, tant li minn erbgħa minn kull għaxra, issa sitta minn kull għaxra huma fid-dinja tax-xogħol.
Inċentivi fosthom dak tac-childcare b’xejn. Fi kliem il-Prim Ministru, “Tmur kontra l-ħsieb tac-childcare b’xejn li ttih anke lil min ma jaħdimx. Tispiċċa li jidħol kulħadd u tiġi istituzzjonalizzata. Taf x’jiġi: reception class jew repeater class. Iġġiegħel tfal jibdew skola sena kmieni u jirrepetu sena. Qed tara x’jiġrilek meta tfajjar bla ma taħseb.”