Fl-2024 ir-rata ta’ offerti ta’ xogħol mhux mimlija f’Malta laħqet 3%, jiġifieri żieda minn 2.8% is-sena ta’ qabel. Dan iffiser li hawn 7 opportunitajiet ta’ xogħol għal kull persuna li tirreġistra.
Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea ir-rata kienet ta’ 2.4%, ir-rata għal Malta kienet l-aktar waħda għolja mindu bdiet tinġabar din l-istatistika mill-Eurostat.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fir-raba’ kwart tal-2024, kien hemm kważi 7,900 opportunità ta’ xogħol miftuħa f’pajjiżna. Dan huwa aktar minn 260 opportunità aktar mill-istess żmien sena qabel.
Ħarsa lejn l-istatistika lokali turi li operaturi f’Malta fil-qasam tal-manifattura qed ifittxu li jżidu l-impjiegi magħhom bi 2.4%, inqas mit-2.8% fl-istess kwart ta’ sena qabel.
Fil-kostruzzjoni hemm offerti ta’ xogħol ta’ 3.8% tal-impjiegi. Fl-istess ħin l-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi professjonali għandhom postijiet ta’ xogħol vakanti ekwivalenti għal 4.1% tal-għadd ta’ ħaddiema li għandhom bżonn.
Dan hekk kif hemm mal-2,226 post tax-xogħol mhux mimli f’dan is-settur importanti. Fil-qasam tal-ħwienet, lukandi u ristoranti hemm talba għal kważi 2,000 ħaddiem.
L-aktar bżonn relattiv għal ħaddiema jinsab fil-qasam tal-informatika u komunikazzjoni, li għandu bżonn ikabbar b’kważi 5% l-għadd ta’ ħaddiema.
Dan hu segwit bis-settur tal-gaming fejn kien hemm bżonn ta’ 600 opportunità aktar.
Il-kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 ħaddiem huma l-aktar li qed ifittxu li jimpjegaw nies magħhom.