F’Awwissu tal-2022 dawk irreġistrati b’impjieg full-time żdiedu b’aktar minn 6% meta mqabbel mal-istess xahar tal-2021.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-Tnejn filgħodu hekk kif intqal ukoll li l-ħaddiema f’pajjiżna s-sena li għaddiet żdiedu b’sitta fil-mija biex qabżu l-256,000.
Dwar l-impjiegi full-time, l-NSO spjega kif f’Awwissu tal-2022, is-setturi li raw l-aktar żieda f’ħaddiema b’dan il-kuntratt ta’ xogħol, kienu fil-qasam tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel flimkien ma’ dawk fil-qasam amministrattiv u ta’ servizzi ta’ sapport.
Intant anke s-settur privat ra żieda pożittiva f’persuni b’impjieg fuq bażi full-time hekk kif dawn żdiedu b’14,765 persuna għal total ta’ 203,756 persuna.
Il-persuni b’imjieg full-time fis-settur pubbliku wkoll żdiedu b’191 persuna għal total ta’ 51,385 persuna.
Dawk irreġistrati bħala full-time u li jaħdmu għal rashom żdiedu b’aktar minn sitt mitt persuna meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2021 filwaqt li n-numru ta’ persuni rreġistrati bħala ħaddiema żdiedu b’erbatax-il elf tlett mija seba’ u erbgħin persuna.
Iż-żieda ta’ persuni jaħdmu fuq bażi full-time fost l-irġiel tammonta għal żieda ta’ 6.3% filwaqt li fost in-nisa din tammonta għal żieda ta’ 6.1%.
Minn naħa l-oħra, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rrimarka li l-persuni rreġistrati b’impjieg part-time żdiedu bi tmienja punt ħamsa fil-mija f’Awwissu tal-2022 meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2021. Is-setturi li l-aktar li kkontribwixxew għal din iż-żieda kienu dawk tas-servizzi professjonali, xjentifiċi u tekniċi u dawk tat-trasportazzjoni u l-ħażna.
Persuni li għandhom impjieg part-time u full-time f’daqqa, ukoll żdiedu b’10.9% għal total ta’ 38,541 persuna.
Persuni b’impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom ammontaw għal total ta’ 35,844 persuna.
Żieda ta’ 5.9% meta mqabbel ma’ Awissu tal-2021.
Intant, statistika ppubblikata mill-Eurostat, l-Uffiċju Ewropew tal-Istatistika, tikkonferma li f’Novembru li għadda, Malta kellha fost l-inqas rati ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha taż-Żona tal-Ewro.