L-awtoritajiet Ġermaniżi qed jinterrogaw tmien persuni li kienu jew għadhom jaħdmu mal-Partit Popolari Ewropew, li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista.
Dan ġara wara r-rejd mill-Pulizija Belġjana flimkien ma’ dik Ġermaniża fil-Kwartieri tal-Partit Popolari Ewropew, li sar aktar kmieni dan ix-xahar, b’rabta ma’ frodi finanzjarju.
Fost dawn il-persuni, is-sit internazzjonali Euractiv irrapporta li hemm Dara Murphy, li mexxa l-kampanja elettorali tal-Partit Popolari Ewropew fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Dawn l-investigazzjonijiet iduru mal-każ tal-Ġermaniż Mario Voigt, li waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, mexxa l-kampanja online tal-ħabib ta’ Simon Busuttil, Manfred Weber. L-investigazzjonijiet huma dwar kuntratti li jlaħħqu eluf kbar ta’ ewro – mill-inqas tliet mitt elf ewro (€300,000).
Bħalissa Weber huwa l-President tal-Partit Popolari Ewropew u anki l-mexxej tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.
Persuni li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li Manfred Weber involva lil Voigt fil-kumpanija elettorali fuq għażla personali tiegħu u waqt il-kampanja elettorali xejn ma seta’ jsir mingħajr l-approvazzjoni tiegħu.
Weber huwa ħabib mill-qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li poġġih Segretarju Ġenerali tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew. Waqt il-kampanja elettorali ta’ sitt ilu, Busuttil kien ġab lil Weber f’Malta sabiex jitkellimlu f’mass meeting f’Tas-Sliema.
Bħala President tal-Partit, Weber jaħdem mill-qrib ħafna wkoll mal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, Roberta Metsola u David Casa.