Permezz ta’ ftehim bejn l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-Kunsill Lokali tal-Fgura, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, Brian Farrugia, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali, Lianne Cassar, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
L-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità għaddejja b’ħidma kontinwa sabiex tkun dejjem aktar qrib il-pubbliku bil-għan li tipprevjeni, teduka u tagħti l-appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali se jingħatalhom it-taħriġ sabiex huma wkoll ikunu punt ta’ riferiment għar-resident fl-ibliet u l-irħula. Professjonisti fil-qasam se jagħtu t-taħriġ lill-ħaddiema tal-kunsilli lokali sabiex ikunu mħarrġa dwar l-ewwel gwida li huma għandhom jagħtu lir-residenti li jkunu sfaw vittma ta’ xi reat kriminali.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal lill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità assistiet aktar minn 3,000 vittma fi ftit aktar minn sentejn li ilha mwaqqfa din l-aġenzija. Spjega li dawn is-servizzi dejjem qed jiġu estiżi sabiex jintlaqtu l-akbar ammont ta’ nies possibbli u kien għalhekk li sar ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, sabiex permezz tal-istess Kunsilli, l-aġenzija u s-servizzi tagħha jaslu għand aktar nies, b’mod partikolari dawk li sfaw vittmi ta’ kriminalità. Temm jgħid lill-Gvern jinsab kommess li jkompli jestendi dawn is-servizzi sabiex aktar vittmi ta’ kriminalità jiġi mgħejuna.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li l-Kunsilli Lokali huma l-ewwel punt ta’ referenza għar-residenti fil-komunità u li dan il-ftehim ser ikompli jagħti l-għodda lill-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jassistu u jgħinu vittmi ta’ kriminalità bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli. Hija awgurat li t-taħriġ ikun utli għall-membri tal-Kunsilli Lokali u li minnu joħolqu servizzi u inizjattivi ġodda favur dawn il-vittmi li jgħixu fl-ibliet u rħula Għawdxin u Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, Brian Farrugia, spjega li l-aġenzija se tkun qed tagħti informazzjoni u taħriġ lill-uffiċjali u impjegati fil-Kunsilli Lokali, b’hekk dawk li jfittxu s-servizz issa se jibdew ukoll isibuh fil-Kunsilli Lokali rispettivi. Min-naħa tagħha Lianne Cassar, mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, qalet li permezz ta’ dan il-ftehim l-Assoċjazzjoni qed tikkommetti li tassisti l-Kunsilli Reġjonali u dawk Lokali sabiex ikunu tal-ewwel assistenza għar-residenti tagħhom.