Tul l-aħħar sena, il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta mpjegat nies ġodda biex issaħħaħ ir-riżorsi umani fi ħdanha bi preparazzjoni għall-proġett tal-Mużew il-Ġdid li mistenni jiftaħ fl-2020.
Ix-xogħol ukoll għaddej ġmielu fuq il-Caravaggio Wing li l-ewwel fażi tiegħu se tinfetaħ fl-2019.
Kien għalhekk li l-Fondazzjoni ħasset id-dmir li tikkonsolida r-risorsi umani tagħha.
Il-Maniġer tal-Operat il-ġdid Ian Camilleri daħal jaħdem mal-Fondazzjoni kmieni s-sena li għaddiet.
Immedjatament huwa ħa ħsieb l-operat, fosthom fil-proġett tas-sistema ta’ kontroll tal-ventilazzjoni li hemm fil-Kripta tal-Grand Mastri.
F’Mejju tal-2018, Stephen Deguara ngħaqad mal-Fondazzjoni bħala Maniġer fir-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Marketing biex jixpruna u jipprepara l-fażijiet differenti tar-relazzjonijiet pubbliċi għall-Mużew il-Ġdid.
Il-marketing ħa rwol importanti fil-promozzjoni tal-Konkatidral, għalhekk Stephen żied b’iktar kwalità dan l-aspett dinamiku.
Ir-responsabilitajiet jinkludu l-promozzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann permezz ta’ sistemi onlajn u offlajn.
F’Settembru tal-2018, Kevin Attard ġie maħtur bħala maniġer tar-Riżorsi Umani u l-Amministrazzjoni biex jistruttura l-impjegati tal-Fondazzjoni.
Kevin ġab miegħu ħafna esperjenza bl-għarfien tiegħu f’dan is-settur u qiegħed idaħħal metodi u proċeduri iktar professjonali fix-xogħol ta’ kuljum.
Peress li x-xogħol ta’ kuljum ġewwa l-Konkatidral ta’ San Ġwann żdied ferm, ġie mpjegat General Hand, biex jgħin fil-proġetti u xogħolijiet ta’ kuljum.
John Taylor ingħaqad mal-Fondazzjoni riċentement, biex jaħdem viċin il-Maniġer tal-Operat b’assistenza assidwa fix-xogħol ta’ manutenzjoni ta’ kuljum.
Il-Fondazzjoni mjegat u ħarrġet ukoll kustodji ġodda biex jkunu jistgħu jikkontrollaw influss akbar ta’ viżitaturi matul is-sena.
Saru wkoll diversi korsijiet ta’ saħħa u sigurtà fost l-impjegati tal-Fondazzjoni.
Dan l-istrutturar se jieħu l-Fondazzjoni fuq livell ogħla ta’ riżorsi umani fi żmien fejn ix-xogħol se jiżdied ġmielu minħabba l-Mużew l-Ġdid.
Id-dettalji u l-istudju li sar għal dan il-proġett ambizzjuż se juri fatti interessanti dwar l-istorja tal-Konkatidral ta’ San Ġwann bi projezzjonijiet u mezzi oħra ta’ tagħlim.
Din żgur se tkun ta’ għajnuna lil min ħa jkun qed jagħmel il-viżita tiegħu biex jgħix u jifhem l-isfidi li għaddew minnhom l-artisti li sebbħu din il-binja biex għandna l-Konkattidral ta’ San Ġwann kif inhu llum.
Flimkien mal-Caravaggio Wing, t-Tapestry Chamber, is-Silver Vaults u s-sezzjoni tal-Choral Books, l-Mużew se jespandi biex ilaqqa l-bżonn attwali tat-tekonoloġija u l-mod kif jesplora l-viżitatur modern.