Impjegata tal-call centre ta’ Arms Limited kienet qed iżomm għaliha flus li l-klijenti jkunu tawha biex iħallsu l-kontijiet.
Ta’ min jgħid li dan il-call centre huwa outsourced, jiġifieri jitħaddem minn kumpanija privata indipendenti. Fil-Qorti ammettiet l-akkużi kontra tagħha għax qalet li ma setgħetx tigdeb dwar xi ħaġa li għamlet u l-Maġistrat Monica Vella kkundannatha għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-mara, Charmaine Camilleri minn Wied il-Għajn, kienet taqbad lill-klijenti tal-ARMS fuq freephone u meta kienu jitkellmu magħha dwar kontijiet pendenti kienet tgħid li ma setgħet tgħamel xejn. Iżda ladarba jkunu qatgħu qalbhom, iċċempel minn fuq in-numru privat tagħha u tgħid li tista’ tgħinhom. Kienu jgħaddula flus biex iħallsu l-kontijiet, iżda dawn ma kienux jitħallsu bil-konsumaturi jerġgħu jirċievu l-kont u saħansitra anke notifiki li se jinqata’ s-servizz. Fil-Qorti l-prosekuzzjoni preżentat anke SMSs li juru komunikazzjoni li kien hemm f’dan is-sens. Il-vittmi kienu tkellmu mal-Enemalta li għaddew il-każ lill-pulizija.