Bojan Cmelik, is-Serb mixli li qatel lill-imprenditur Hugo Chetcuti kien ilu jħuf fl-inħawi ta’ fejn seħħ id-delitt sa minn seba’ sigħat qabel id-delitt.
Dan ġie żvelat l-Erbgħa waranofsinhar meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-akkużat. Caroline Barbara, li taħdem fl-istabbilimenti ta’ Chetcuti, qalet li dakinhar tad-delitt rat lill-akkużat għall-ħabta tat-15:00 fl-entrattura tal-lukanda ta’ Hugo f’Paceville.
Hija qalet li marret tkellmu u l-akkużat ma weġibhiex. Qalet kif wara d-delitt intebħet li l-aggressur kien l-istess persuna li rat ftit tas-sigħat qabel.
Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, xehed ukoll Dylan Mallia, li kien jaħdem ma’ Chetcuti bejn l-2013 u l-2017. Qal li l-akkużat li kien jaħdem f’stabbiliment ta’ Chetcuti, tkeċċa darbtejn minn xogħlu wara li l-ewwel ma rrapportax għax-xogħol lejlet l-ewwel tas-sena, u wara għax allegatament sfida r-regoli tal-kumpanija li jesiġu li l-impjegati jitħaddtu bil-Malti jew bl-Ingliż. Fiż-żewġ okkazjonijiet ma kienx Chetucti li keċċih mill-impjieg.
Falzon kien l-istess xhud li fis-seduta ta’ qabel kien involut f’battibek mal-akkużat. Konsegwenza ta’ dan, is-seduta tat-Tlieta saret f’awla akbar u matulha spikkat ukoll sigurtà stretta aktar mis-soltu b’diversi Uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fosthom id-Direttur tal-Ħabs, il-Kurunell Alex Dalli, li dehru armati sa’ sninhom kemm fl-awla, fil-kuruturi u barra l-Qorti.
Fis-seduta xehed ukoll l-eks uffiċjal tal-Pulizija li għaraf lill-akkużat ftit tal-ħin qabel bdiet it-tfittxija għalih fil-lejl tas-sitta ta’ Lulju. Qal kif l-akkużat ipprova jingħaqad ma’ grupp ta’ studenti li nzertaw f’bajja f’Tas-Sliema biex ma jagħtix fil-għajn.