Michael Anthony Cahill ta’ 65 sena miż-Żurrieq tneħħa fuq minn ir-reġistru tal-persuni li jagħmlu t-testijiet tal-VRT għal 10 snin u mmultat €500 wara li nstab ħati li ħareġ ċertifikat falz u li kiser ir-regolamenti tal-VRT.
Il-każ tela’ fil-wiċċ f’Jannar ta’ 3 snin ilu meta Cahill, li kien ilu jittestja l-karozza għal 16-il sena, ħareġ ċertifikat tal-VRT għal karozza li ma kinitx ġiet ittestjata.
Dak iż-żmien, il-mekkanik kien ilu jaħdem fil-garaxx f’Ħal Luqa għal ftit aktar minn sena. Huwa ġie akkużat ukoll li sar reċediv u li kiser ir-regolamenti tal-VRT.
Bosta xhieda, fosthom kollegi tiegħu, is-sid tal-istazzjon tal-VRT, is-sit tal-karozza li suppost sarilha t-test kif ukoll l-esperti tal-qorti xehdu fil-kawża kontrih.
Il-Maġistrat Rachel Montebello tat importanza lix-xhieda ta’ persuna li saq il-karozza għat-test tal-VRT.
Fil-preżenża tal-akkużat, ix-xhud qal li kien l-akkużat il-persuna fl-istazzjon tal-VRT li ħa r-ritratti tal-karozza, li rċieva envelopp li kien fih €90 u li tah iċ-ċertifikat tal-VRT.
Il-karozza li ġiet iċċertikata tajba għat-triq m’għadditx minn test li aktar tard sarilha mill-awtoritajiet.
Il-Qorti ddikjarat li l-akkużat li ħareġ ċertifikat tal-VRT meta l-karozza ma ġietx ittestjata u li kiser ir-regolament tal-VRT. Kien għalhekk li l-akkużat ġie mmultat €500 u ordnat li ismu jitqaċċat minn fuq ir-reġistru.
Madankollu, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi li r-raġel hu reċediv.