F’Ras il-Ħobż f’Għawdex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fetħet impjant ġdid tan-New Water.
Il-Ministru għall-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi spjega li dan huwa t-tieni impjant wara dak tal-Mellieħa u l-ilma trattat fih se jkun ta’ kwalità għall-uċuh tal-raba’ tal-gżira tat-tlett għoljiet.
Spjega kif “Ir-riżultati li ġa rajna kemm fil-frott u f’dak li jinżera fil-Mellieħa diġa ta r-riżultat u jien persważ li issa Għawdex ukoll se naraw dan ir-riżultat pożittiv u se jkun hemm domanda qawwija għal dan l-ilma.”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana sostniet li permezz ta’ dan l-impjant se jitħares ukoll l-ambjent tal-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru Caruana qalet li “Monument ieħor għall-Għawdex illi permezz tiegħu mhux biss se nkunu ngħinu u nassistu lil bdiewa u lil dawk kollha involuti fl-agrikoltura imma biex ukoll intejbu l-kwalitá tal-ħajja u tal-ambjent f’Għawdex stess.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja, Clint Camilleri, spjega kif dan l-ilma tad-drenaġġ qed ikun trattat biex jintuża għat-tisqija ta’ ħxejjex u frott li issa jistgħu jitkabbru matul is-sena kollha.
Spjega li “New water, il-polished water, ilma li qed ikun trattat minflok jintrema’ l-baħar u propju se nagħmluh b’mod available għal kull bidwi li għandna ġewwa Għawdex.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li apparti dan l-impjant, Għawdex se jkollu wkoll impjant ta’ desalinizzazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien.
Farrugia qal “Investejna wkoll 92 miljun ewro għal programm 2014-2020, fejn se nwettqu diversi proġetti fosthom reversis osmosis plant ġewwa Għawdex.”