- Spjegat il-proċess li wassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġett tal-energija li taħdem bil-gass
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Konrad Mizzi laqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li approvat il-proġett tal-enerġija ġġenerata mill-gass fl-interità tiegħu.
Il-Ministru qal li dan kien proġett importanti ħafna għall-Gvern, li kien imwiegħed fl-2013 u li kif imwiegħed, diġà wassal għall-kontijet irħas u arja iktar nadifa, bi tnaqqis t’aktar minn miljun tunnellata ta’ CO2 f’sena.
Is-Segretarju Permanenti għall-Enerġija u Proġetti Ronald Mizzi spjega l-proċess li l-ufficju tiegħu mexxa mal-Kummissjoni Ewropea fl-iskrutinju tagħha, li ilu għaddej għal mill-inqas sentejn. Huwa qal li fl-iskrutinju tagħha, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat id-dokumenti, u dak kollhu li kellhu x’jaqsam ma’ dan il-proġett. Minbarra dan, kellha iktar minn sittin mistoqsija ddettaljata li għamlet lil Gvern Malti.
Qal li l-Kummissjoni Ewropea ikkonfermat li:
· Il-proġett huwa konformi mar-regoli tal-istate aid tal-Unjoni Ewropea;
· Il-konsorzju Electrogas intgħażel permezz ta’ proċess kompetittiv u trasparenti li l-Electrogas ma kienet bl-ebda mod ivvantaġġjata mill-Gvern, inkluż fir-rata ta’ qliegħ fuq l-investiment, għaliex qalet li din hija simili bħal dik ta’ proġetti tal-istess kalibru tiegħu;
· Dan il-proġett huwa intiż biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u ilma għall-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll biex f’Malta jkollna arja iktar nadifa permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet;
· Il-Kummissjoni nnutat ukoll li pajjiżna għandu bżonn iktar kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija biex nassiguraw li jkollna s-sigurtà tal-provvista meħtieġa;
· Fl-istess ħin illi dan il-proġett ser iwassal biex jingħalqu infrastrutturi antiki u li jħammġu bħal powerstation tal-Marsa, u ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara;
· Pajjiżna qed japplika l-liġi relevanti tal-Unjoni Ewropea f’dan il-proġett;
· Dan il-proġett ser ikun qed jikkompeti ma’ sorsi ta’ ġenerazzjoni oħra, inkluż l-interconnector fuq level playing field, u li l-proġett m’għandu l-ebda impatt negattiv fuq is-suq tal-elettriku fi Sqallija;
· Dan il-proġett huwa l-aqwa soluzzjoni meta kkumparat mat-tieni interconnector.
Is-Segretarju Permanenti spjega wkoll kif bħala parti mill-proċess, il-Kummissjoni Ewropea tistipula li ċertu dettalji ma jiġux żvelati qabel ma jintemm il-proċess kollhu.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, intwerew kummenti tal-Kummissarju Ewropew tal-Kompetizzjoni Margrethe Vestager, li spjegat kemm hu rigoruż il-proċess ta’ skrutinju li sar mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissarju Vestager qalet li la darba intemm dan il-proċess, issa hemm ċertezza legali li l-affarijiet saru kif suppost, u dik iċ-ċertezza hija importanti ħafna fi proġett kbir bħal dan, għaliex twassal biex ma jkunx hemm ħtieġa ta’ aktar mistoqsjiet. Hija faħħret il-ħidma li saret f’dan il-proġett.