Matul dawn l-aħħar jiem pajjiżna reġa’ ngħata ċertifikat pożittiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija u s-sotenibbilità tagħha. Issa drajna nisimgħu riżultati pożittivi ġejjin mil-istituzzjonijiet dinjija, u dan jagħmel ġiħ għall-politika finanzjajra u strateġika li qed jimxi biha l-Gvern. Fejn qabel kellna gvernijiet li kienu ‘fire-fighting mode’ minħabba diversi raġunijiet, illum qed naraw gvern li qed jindirizza l-isfidi iżda fl-istess ħin qed jibqa’ jieħu ħsieb it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż u l-ħtiġijiet tal-poplu.Waħda mit-teoriji ekonomiċi hija li min imexxi jiddeċiedi li jagħti inċentivi sabiex iħeġġeġ il-konsum ekonomiku min-naħa tal-poplu u tal-industrija. Dan il-Gvern ħaddan din it-teorija mill-ewwel ġurnata tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż u wera li t-tali teorija tħalli frott ekonomiku pożittiv fl-immedjat, u anki ħolqot snowball effect fuq setturi oħra. Pajjiżna esperjenza rati ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent u mit-tbassir jidher, li dawn ir-rati se jibqgħu fost l-għola. Madanakollu, l-ekonomija hija ċiklu u sfida kontinwa li wieħed ma jistax iħalliha għal riħha.
Waħda mill-isfidi ta’ ekonomija b’saħħitħa hija l-inflazzjoni. Rata ta’ inflazzjoni kkontrollata turi li l-ekonomija hija dinamika u b’saħħitha, iżda wieħed irid joqgħod attent li din l-istess inflazzjoni ma tkunx ta’ piż fuq min l-iktar huwa batut. Filwaqt li l-investitur għandu jkolli ritorn adekwat fuq l-investiment li jkun qed jagħmel, dan m’għandux isir għad-detriment tal-batut. Għalkemm hawn diversi benefiċċji li qed jassistu lil min huwa fil-bżonn, l-isfida tal-faqar huma reali. Hemm fine-line fejn jidħol dan l-argument, u bosta jħarsu lejn il-kelma ‘faqar’ minn lenti differenti – jista’ jkun kemm faqar materjali kif ukoll edukattiv.
Ma nistgħux niċħdu l-fatt li matul dawn l-aħħar snin in-nies f’kull settur tal-klassi soċjali ħadu nifs b’forma ta’ benefiċċju jew ieħor, b’mod dirett jew indirett. Il-Gvern irid jibqa’ jħares il-vulnerabbli u jindirizza sfidi kruċjali t’elementi bażiċi bħalma huma l-kirjiet ta’ propjetà/xiri tal-propjetà, konsum bażiku ta’ kuljum, u għixien ta’ ħajja diċenti. Ma ninsewx li diversi servizzi li qabel konna narawhom bħala kapriċċ, eż mobile phone jew servizz tal-internet, saru neċessità. Fl-istess ħin, is-sistema edukattiva trid tgħaddi ħiliet ta’ kif wieħed jikkontrolla l-flus tiegħu għax hemm drabi fejn dan in-nuqqas ta’ money managment skills jista’ jikkontribwixxi b’mod aktar mgħaġġel għal faqar. Kulħadd irid iħares lejn ir-realta’ li qed jgħix fiħa, iżda fl-istess ħin jirsisti sabiex itejjeb il-livell t’għixien tiegħu. L-għajnuna ma tistax tiġi biss minn naħa waħda.
L-aġenziji u NGO’s, flimkien mal-Gvern għandhom jibqgħu jaħdmu sabiex ir-ruħ soċjali tibqa’ b’saħħitha u relevanti għaż-żminijiet tal-lum.