“Se jkun impenn tiegħi li mmexxi ’l quddiem inizjattivi li jwasslu għal tixrid ta’ għarfien biex titqajjem kuxjenza sa min età żgħira dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Impenn sħiħ biex l-istudenti fl-iskejjel tagħna jkunu konxji tal-effetti tal-abbuż u l-vjolenza fuqhom u fuq dawk ta’ madwarhom, u wkoll nara li jkunu mgħejuna anki t-tfal stess li jkunu vittmi, jew raw quddiem għajnejhom atti ta’ vjolenza domestika”, stqarret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa kordjali li kellha ma’ Audrey Friggieri, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Caruana u s-Sinjura Friggieri qablu li kmieni s-sena d-dieħla għandha tittella’ konferenza bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar is-suġġett. Din il-konferenza tkun indirizzata għall-edukaturi kollha tal-pajjiż u twassal għal ċertifikat ta’ akkreditazzjoni għal dawk kollha li jattendu. L-edukaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-għarfien fuq livell personali kif ukoll professjonali. Importanti li kull min jeduka jkun konxju mir-realtajiet varji li jgħixu t-tfal u ż-żgħażagħ. L-esperjenzi tal-ħajja tagħhom ma jistgħux jiġu injorati meta dawn iħollu u jorbtu fl-esperjenza tagħhom. Sensittività lejn dawn ir-realtajiet tgħin għal klima iktar umana fl-iskola, għal relazzjonijiet aħjar bejn l-istudenti u l-edukaturi tagħhom, kif ukoll għal tagħlim iktar effettiv.
Huwa importanti li ngħallmu l-importanza tar-rispett lejn xulxin, kompliet tgħid il-Ministru Justyne Caruana. Huwa magħruf li l-vjolenza tibda b’imġiba ta’ nuqqas ta’ rispett, bi twemmin u attitudnijiet li niżviluppaw minn età żgħira. Huwa għalhekk importanti li wieħed mill-ewwel passi jkun li nitgħallmu nirrispettaw lil xulxin, kompliet il-Ministru Caruana. Qalet li t-tfal minn żgħar iridu jdaħħluha f’moħħhom li mġiba ta’ diżrispett u/jew aggressiva assolutament mhijiex aċċettabbli.
Il-Kummissarju Audrey Friggieri rringrazzjat lill-Ministru kemm għal dan l-impenn kif ukoll għal-laqgħa kordjali ferm li kellhom.
Hija qalet li l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom irwol importanti f’dan kollu, għaliex kif muri f’oqsma oħra, meta tqajjem kuxjenza dwar aspett importanti tal-ħajja f’età żgħira, tikber b’mod sostanzjali l-probabbiltà li l-messaġġ jasal li jkollu l-effett mixtieq.
Iż-żewġ naħat qablu li jżommu kuntatt u li jkun hemm bdil ta’ ideat u wkoll proposti ta’ ħidma flimkien b’kampanji edukattivi u ta’ għarfien bl-għan aħħari li tkun eliminata din il-pjaga soċjali.
Is-Sinjura Friggieri ħadmet bħala għalliema u Assistenta Kap fil-qasam tal-edukazzjoni, gradwata fil-Psikoterapija tal-Familja Sistemika b’Masters fl-edukazzjoni tal-adulti, u qed tagħmel dottorat b’riċerka dwar l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola u jispiċċaw bla xogħol. Hija wkoll lettur fil-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta u kitbet diversi kotba għat-tfal u l-adulti.