Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza konferenza stampa fejn ħabbar it-tmien laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta li ser issir il-Ħamis u l-Ġimgħa, 19 u 20 ta’ Ottubru 2017.
Fil-konvenzjonijiet dwar l-emigranti u l-emigrazzjoni saru rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm xi korp li fih ikun hemm rappreżentanti tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta, flimkien ma’ persuni oħra. Għal dan il-għan, il-gvern Malti kommess li jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet mal-Maltin ta’ barra kif ukoll mal-ġenerazzjonijiet ġodda.
Il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il membru flimkien ma’ Segretarju, u bil-Ministru għall-Affarijiet Barranin bħala ex officio Chairperson tal-Kunsill biex jaħdem fuq numru ta’ għanijiet.
Matul il-laqgħat, isiru diversi diskussjonijiet, proposti, u rakkomandazzjonijiet, u jittieħdu deċiżjonijiet. Dawn il-proposti, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet iservu bħala bażi li fuqhom id-Direttorat għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ jaħdem mad-diversi ministeri, dipartimenti u aġenziji tal-Gvern involuti sabiex iwettqu x-xewqat tad-dijaspora Maltija u jilħqu l-għan li għalih ġie mwaqqaf dan il-Kunsill.
Il-Kunsill jiltaqa’ darba fis-sena f’Malta, biss matul is-sena l-Kunsill jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu permezz ta’ diskussjonijiet li jsiru permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u b’konsultazzjoni mal-komunitajiet ta’ Maltin li jinsabu mferrxa mal-erba’ tirjieħ tad-dinja.
Fuq l-aġenda tad-diskussjoni għal-laqgħa tal-Kunsill li ser issir din is-sena hemm 28 tema li jolqtu, fost l-oħrajn: it-tagħlim tal-ilsien Malti u l-istorja tal-emigrazzjoni, it-tixrid tal-kultura Maltija, l-effett tal-liġijiet dwar il-propjetà u t-taxxi fuq id-dijaspora, iċ-ċittadinanza Maltija u dik doppja, il-votazzjoni mill-bogħod għall-Parlament u dik tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea, twaqqif ta’ reġistri ta’ organizazzjonijiet u ta’ persuni prominenti Maltin li jgħixu barra minn Malta, servizzi bankarji għall-komunità, fondi tal-Unjoni Ewropeja, twaqqif ta’ stazzjon tar-radju u website, roadmap għall-Kunsill, l-Innu Malti, faċilitajiet għall-Maltin ta’ barra li jżuru Malta,u skambju ta’ talenti fid-diversi oqsma bejn Maltin li jgħixu Malta u dawk li jgħixu barra minn Malta, fost temi oħrajn.
Il-Gvern Malti se jkompli jagħti l-attenzjoni neċessarja lil dan l-aspett fir-rispett tal-programm elettorali tal-gvern.