SportMalta illum introduċiet skema ta’ għotja ta’ flus lil kull klabb tar-Regatta biex ikunu jistgħu jaħdmu dgħajsa ġdida tal-pass li se jkollha użu vast u differenti.
Din l-inizjattiva tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif nhar il-Ħamis waslet edizzjoni oħra tar-Regatta tat-8 ta’ Settembru.
SportMalta ħasbet li permezz ta’ dawn id-dgħajjes ġodda se tkun qiegħda ssaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Għaqda Regatta Nazzjonali u tgħin biex it-tradizzjoni li ntirtet minn missirijietna tkompli fis-snin li ġejjin. Dawn id-dgħajjes, li se jkollhom l-isem ta’ SportMalta imnaqqax fuqhom, se jkunu qed jintużaw fit-tlielaq tradizzjonali kemm f’dik tal-31 ta’ Marzu kif ukoll dik tat-8 ta’ Settembru iżda wkoll se jibdew jintużaw bħala mezz promozzjonali għal dan l-isport f’attivitajiet nazzjonali.
Hemm ħsieb ukoll li fil-futur qrib SportMalta tibda programm ta’ taħriġ flimkien mal-klabbs biex minn età żgħira jitrawmu tfal f’din it-tradizzjoni tal-qdif u b’hekk tkompli tikber l-imħabba lejn ir-Regatta li tant hija marbuta ma’ qalb ħafna dilettanti. L-iskop huwa li fil-futur ir-Regatta ma tibqax biss assoċjata mal-ibliet tradizzjonali tal-Port iżda wkoll tattira bliet u irħula oħrajn mifruxa ma’ Malta u Għawdex.
Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta qal li inizjattiva bħal din hija maħsuba biex tradizzjonijiet li huma uniċi għal pajjiżna ma jintilfux. Il-Professur Joseph Grima, President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali kellu kliem ta’ tifħir fil-konfront tal-Gvern u SportMalta filwaqt li semma li l-għaqda laqgħet fi ħdanha żewġ klabbs oħra; dak tal-Università u tar-raħal tas-Siġġiewi. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius qal li l-Gvern qiegħed iwettaq wegħda oħra mill-manifest elettorali li kienet li jagħti s-sostenn tiegħu lil sport hekk meqjus bħala minuri. Huwa semma kif fil-futur qarib ser ikun varat il-proġett tal-indoor rowing tank fil-Kottonera li jista’ jagħti lok għall-taħriġ differenti tul ix-xhur kollha tas-sena.
Ritratt: DOI Kevin Abela