Disa’ pajjiżi min-Nofsinhar tal-Ewropa, fosthom Malta, iffirmaw stqarrija konġunta bħala sinjal ta’ impenn għall-Mediterran bħala ċentru ta’ enerġija nadifa.
Din l-istqarrija konġunta ġiet maqbula u ffirmata waqt il-laqgħa tal-MED9 dwar is-settur tal-enerġija, li saret f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta.
Preżenti għal din il-laqgħa f’pajjiżna kien hawn id-disa’ Ministri tal-Enerġija mill-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar tal-Ewropa: minn Malta, mill-Kroazja, minn Ċipru, minn Franza, mill-Greċja, mill-Italja, mill-Portugall, mis-Slovenja, u minn Spanja.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem din il-laqgħa f’pajjiżna, il-Ministru għall-Enerġija Maltija, Miriam Dalli, qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li l-pajjiżi kollha jaqblu li l-Mediterran ikun protagonist għal enerġija aktar nadifa.
Il-Ministru Dalli qalet li dawn il-pajjiżi qablu li jitwaqqaf kumitat sabiex ikompli jkun hemm aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi, kemm politikament u anki b’mod tekniku, u dan il-ftehim jibqa’ għaddej għal tul ta’ żmien. Il-Ministru Dalli qalet li din il-koperazzjoni se twassal biex ikun hemm investiment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli għaż-żmien li ġej, li se jwassal għal aktar impjiegi.
“Qbilna li jitwaqqaf steering committee biex nikkordinaw l-isforzi li hemm bżonn, ħalli nagħmlu mill-Mediterran hub ta’ enerġija rinovabbli. Kunfidenti li pjan bħal dan jista’ jattira investiment long term u jista’ joħloq iżjed impjiegi fir-reġjun tagħna.”
Il-Ministri tal-Enerġija tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex isir studju biex tara l-possibilitajiet li jistgħu jsiru f’dan is-settur, fosthom permezz ta’ fondi Ewropej għall-interkonnetturi tal-elettriku.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan il-ftehim bejn il-pajjiżi tal-Mediterran se jkun qed jgħin fl-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex, sas-sena 2050, il-kontinent Ewropew ikun ħieles mill-karbonju.
“Nagħrfu li enerġija rinovabbli mhumiex biss investiment għal futur, imma wkoll l-aħjar soluzzjoni għall-isfidi, kemm preżenti u anki dawk tal-futur.”
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Ewropea responsabbli mill-Enerġija, Kadri Simson, semmiet l-importanza tal-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif il-kriżi tal-enerġija għadha tippersisti.
Qalet li r-reġjun tal-Mediterran kien kruċjali f’din l-aħħar sena, meta l-Ewropa kienet fi kriżi tal-enerġija.
Il-Kummissarju Simson fakkret li, sena ilu, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-pjan biex tneħħi d-dipendenza tagħha fuq l-enerġija mir-Russja u qalet li r-reġjun tal-Mediterran kien kruċjali biex l-Ewropa issa tinsab f’sitwazzjoni aħjar f’dan ir-rigward.
Hija qalet li l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem sabiex ikun hemm iżjed interkonnetturi, anki ma’ kontenti oħrajn, waqt li l-Kummissjoni qed taħdem biex ikollha interkonnettur tal-idroġenu.