Minn mindu, fid-9 ta’ Jannar, inħatar bħala s-seba’ Chairperson il-ġdid tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Perit David Xuereb iltaqa’ mas-sħab soċjali kollha, li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema, kif ukoll lis-soċjetà ċivili.
Il-funzjoni tal-MCESD hija li jagħti opinjonijiet u pariri lil-Gvern dwar materji ta’ rilevanza ekonomika u soċjali.
Ma’ One News, il-Perit Xuereb esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-impenn li qed jara fi ħdan l-MCESD nnifsu biex ikun rilevanti waqt li jikkontribwixxi biex is-sitwazzjoni tal-pajjiż tibqa’ titjieb.
“Irrealizzajt kemm kulħadd huwa ħerqan biex nibqgħu ntejbu l-pajjiż billi nikkontribwixxu lejn il-pajjiż b’mod tanġibbli, fejn inkunu rilevanti u nagħtu valur meqjus ibbażat fuq intelliġenza, fuq riċerka, fuq informazzjoni, fuq ir-relattività, u fuq l-aspirazzjonijiet li kulħadd għandu.”
Il-Perit Xuereb fakkar fl-importanza tal-irwol tal-MCESD biex jgħin lill-Gvern hekk kif dan jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż.
“M’hemmx mejda aħjar f’Malta li tista’ tgħin lill-Kabinett – fejn, fil-fatt, jittieħdu d-deċiżjonijiet – iktar mill-mejda tal-MCESD, fejn tista’ tgħid għandek lil kull fazzjoni tas-soċjetà rrappreżentata.”
Filwaqt li faħħar ix-xogħol tajjeb kollu li sar mill-predeċessuri tiegħu, il-Perit Xuereb qal li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jaħdem aktar biex, fil-pożizzjonijiet li jieħu u l-pariri li jagħti, il-Kunsill jagħti kas tal-interessi ta’ kulħadd.
Esprima wkoll impenn għall-proattività sabiex id-diskussjoni fi ħdan l-MCESD tkun rilevanti, f’waqtha, u tagħti valur miżjud lis-soċjetà.