Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni, bis-sehem ta’ dawk li jaħdmu mill-qrib mal-familji u t-tfal vulnerabbli, fosthom għaqdiet mhux governattivi, unjins, fondazzjonijiet, u għaqdiet volontarji.
L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jinġabru ideat u jinħoloq aktar għarfien dwar l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji u x’jista’ jsir biex jiġu indirizzati.
Din il-laqgħa kienet l-ewwel pass ta’ konsultazzjoni biex eventwalment, jiġi żviluppat il-Qafas Nazzjonali għall-Familji, bħala parti mill-Viżjoni Soċjali li ppreżenta l-Gvern aktar kmieni dan ix-xahar.
L-għanijiet ewlenin ta’ dan il-qafas se jaraw li jippromwovu l-ġustizzja soċjali, jinċentivaw lill-familji, jipprovdu sigurtà finanzjarja, u jixprunaw ambjent pożittiv.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ suġġerimenti dwar piżijiet li qed jitfgħu pressjoni fuq il-familji.
Ġie diskuss ukoll il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar it-tipi differenti ta’ familji li jeżistu, mingħajr preġudizzju.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon saħaq fuq l-importanza li l-politika tkun tirrifletti r-realtajiet tal-lum, fid-dawl tal-fatt li l-familji huma kontinwament esposti għal bidliet soċjali, ekonomiċi, u teknoloġiċi.
Semma kif ċerti miżuri jridu jinbidlu maż-żminijiet, bħalma se jsir fil-miżura taċ-childcare b’xejn.
Din daħlet fis-seħħ għal dawk l-ommijiet li riedu joħorġu jaħdmu jew ikomplu jistudjaw; xi ħaġa li wasslet biex żdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol. Issa, din il-miżura se tinbidel u tinfirex għat-tfal kollha, bil-għan li minn ċkunithom, it-tfal jiżviluppaw idea ta’ tolleranza u komunikazzjoni ma’ tfal oħra.
Semma wkoll l-importanza tal-ħin ta’ kwalità; li bniedem mhux imur id-dar wara x-xogħol u jibqa’ għaddej iwieġeb l-emails jew juża l-mobile, imma jaqta’ u jagħti l-ħin mistħoqq lill-familja.
Innota li filwaqt li saru passi ta’ ġgant ’il quddiem bit-teknoloġija, bl-istess mod irridu nassiguraw li din l-istess teknoloġija ma tisraqx ħin prezzjuż lill-familji.
“Kif forsi jafu xi wħud, nedejna policy għall-Viżjoni Soċjali sa 2035. Illum qed nenfasizzaw fuq il-konsultazzjoni li hemm bżonn u qed naraw li nagħmlu iktar enfasi fuq dik li hija l-familja, fejn nixtiequ nwasslu lill-familji tagħna, seba’, tmien snin oħra.”