Qabel ma bdiet l-invażjoni Russa fi Frar li għadda, l-Ukrajna kienet tesporta erba’ miljun u nofs tunnellata ta’ prodotti agrikoli fix-xahar. Minħabba l-kunflitt armat, iżda, inħolqot kriżi globali tal-ikel.
Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, esprima t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ qamħ u fertilizzant u dwar ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel madwar id-dinja, li qed iwasslu għal nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel.
F’Malta, il-Gvern qed ikun ta’ spalla għall-produtturi agrikoli lokali, anki sabiex l-impatt negattiv ma jinfirixx fuq il-konsumatur. F’dan il-kuntest, il-Fiera Agrikola li fetħet illum se tkun qed isservi ta’ pjattaforma tajba biex il-konsumatur Malti jagħraf il-bżonn tal-konsum tal-prodotti agrikoli lokali.
Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo, saħaq fuq dan il-punt.
Il-Ministru Refalo qal, “Il-fiera qiegħda ssir għall-ewwel darba, però fl-isfond ta’ dan il-ġlied kollu li għaddej fl-Ewropa, meta inti għandek li l-katina tal-ikel qiegħda titkisser, allura importanti li aħna bħala Gvern aktar nippromwovu l-ikel Malti u Għawdxi u kemm huwa importanti li aħna nsaħħu r-raħħala, l-bdiewa, u s-sajjieda tagħna.”
Min-naħa l-oħra, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u l-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li l-impenn tal-Gvern huwa li jassigura s-sigurtà tal-ikel, mhux biss waqt kriżi globali imma wkoll biex l-industrija tibqa’ sostenibbli għaż-żmien li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said stqarret, “Is-sigurtà tal-ikel hija issue, mhux biss qed tinħass fl-Ewropa iżda qed tinħass madwar id-dinja kollha u proprju aħna bħala gżira għandna bżonn li jkollna impenn sabiex nassiguraw li l-food security mhix issue ta’ issa biss iżda anke tal-futur, u b’hekk għandna bżonn naħdmu sabiex nattiraw aktar żgħażagħ lejn il-biedja u s-sajd.