Il-Ministeru tal-Edukazzjoni huwa impenjat bis-sħiħ biex isiru t-tħejjijiet meħtieġa bl-aħjar mod ħalli fit-tmienja u għoxrin ta’ Settembru, l-iskejjel ikunu jistgħu jiftħu.
Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin, se jsiru numru ta’ laqgħat bejn il-Ministeru u l-partijiet kollha interessati fuq din it-triq ’il quddiem.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, spjega ma’ dan l-istazzjon kif sar xogħol importanti ħafna mill-Ministeru għat-tħejjija sħiħa u bi preparazzjoni komprensiva tas-sillabi tal-istudenti.
“Min-naħa tal-Ministeru aħna għaddejjin b’ħidma li ilha sejra numru ta’ xhur fejn jidħol is-sillabi tal-istudenti li jmorru fl-iskejjel tagħna. Aħna rridu li nkunu preparati sa snienna għaliex it-tfal jixirqilhom l-aħjar.”
Il-Ministru spjega li l-impenn tal-Gvern huwa biex l-iskejjel jiftħu fit-tmienja u għoxrin ta’ Settembru ħalli l-istudenti jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-vjaġġ edukattiv tagħhom fl-istess waqt li jkomplu b’ħajjithom fl-ambjent skolastiku .
“Aħna impenjati biex mit-tmienja u għoxrin ta’ Settembru li ġej, l-iskejjel tagħna jiftħu. Naturalment, se nieħdu s-salvagwardji kollha u se nkunu qegħdin nikkonsultaw mal-istakeholders ewlenin kollha. Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin se jibdew l-ewwel laqgħat mal-istakeholders ewlenin sabiex magħhom nitkellmu, naqsmu l-ideat tagħna, u naqblu fuq triq ’il quddiem għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna.”
Fi stqarrija, il-Unjin tal-Għalliema qalet li huwa fatt magħruf li t-tagħlim online ma jista’ qatt jieħu post dak li jsir wiċċ imb wiċċ fil-klassi, u saħqet li t-tfal u ż-żgħażagħ għandhom dritt għall-aqwa esperjenza edukattiva fl-iskola.