L-ewwel żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u għall-Kummerċ, Ian Borg, f’azjenda bbażata f’Malta minn mindu ngħata r-responsabbiltà ministerjali tal-kummerċ internazzjonali, saret lill-kumpanija Medserv.
Il-Medserv hija kumpanija Maltija li taf il-bidu tagħha fl-1974. Illum topera fi 11-il pajjiż fosthom Ċipru, l-Eġittu, il-Libja, u għandha preżenza anke fil-Lvant Nofsani.
Il-Ministru Borg qal li l-ħidma tal-Gvern f’din il-leġiżlatura se tkun iffokata wkoll biex tgħin kumpaniji lokali ħalli jkollhom l-opportunità li jespandu l-operat tagħhom lil hinn minn xtutna.
Huwa saħaq li din se tkun parti integrali mill-ħidma tal-Ministeru mmexxi mminu.
Qal, “Ġejna f’kumpanija illi twieldet f’pajjiżna, imma llum qiegħda taħdem, għandha stejjer ta’ suċċess, f’kontinenti differenti. Aħna rridu nagħtu l-assistenza tagħna, naraw illi nkomplu ngħinu lil min irid jespandi, lil min irid jinternazzjonalizza ħalli dak is-suċċess tagħhom, ikun fl-aħħar mill-aħħar ukoll is-suċċess tal-Maltin.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Medserv, Anthony Diacono, esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li kellhom din il-laqgħa pożittiva mal-Ministru.
Qal, “Aħna kumpanija internazzjonali Maltija. Malta qiegħed il-head office imma naħdmu madwar id-dinja. Allura, meta jiġi jarak il-Ministru responsabbli għat-trade internazzjonali, hija interessanti u importanti. Il-fatt ukoll li ġie daqshekk malajr meta ġie nkarigat b’dan ix-xogħol jimlina b’kuraġġ għall-futur, li nistgħu naħdmu miegħu.”