Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, kellha l-opportunità li tiltaqa’ mal-ħaddiema fil-villaġġ tal-ħwienet tal-PAMA, il-Mosta.
Dr Abela mhux biss tkellmet mal-impjegati u mat-tmexxija, iżda segwiet mill-qrib l-andament fil-kumpless.
Mal-maniġment, hija ddiskutiet l-andament tal-operat tagħhom, kemm fil-kumpless tal-Mosta stess kif ukoll fil-kumpess l-ieħor tagħhom, il-PAVI f’Ħal Qormi.
Il-maniġment semma kif miżuri ta’ għajnuna bħal dawk li offra l-Gvern kienu ta’ spalla għal bosta negozji li, fi żmien diffiċli, setgħu jkomplu bl-operat tagħhom a jkomplu jinvesti f’pajjiżna.
F’kumment ma’ ONE News, Dr Lydia Abela, enfasizzat l-importanza ta’ żjarat bħal dawn.
“Żjarat bħal dawn jixhdu t-twemmin tagħna. It-twemmin tagħna huwa wieħed ċar ħafna: twemmin li nkomplu noħolqu opportunitajiet ġodda, twemmin li nkomplu noħolqu ekonomija sostenibbli u soċjetà aħjar. Dan huwa t-twemmin li hu mnaqqax fil-manifest ‘Malta Flimkien’, fejn huwa l-fulkru biex inkomplu naħdmu favur il-ħaddiema.”
Jakkumpanjaw lil Dr Lydia Abela waqt din iż-żjara kien hemm ukoll id-deputati Laburisti Naomi Cachia u Ray Abela.
L-attivitajiet tal-Partit Laburista għal Jum il-Ħaddiem jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn, l-ewwel ta’ Mejju, b’ċelebrazzjoni għall-familja kollha fil-Belt Valletta – ċelebrazzjoni li tiġi konkluża b’messaġġ mistenni mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.