Il-Gvern huwa ddeterminat li jissokta bil-ħidma tiegħu biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.
Għal dan il-għan, se jissaħħaħ l-impenn biex jissaħħu l-iskemi eżistenti, bħal dik tal-equity sharing, fejn l-Awtorità tad-Djar tidħol bi sħab ma’ individwi biex tgħinhom isiru sidien ta’ darhom. Il-ħsieb huwa li din l-iskema titwessa’ biex jintlaħqu iktar nies.
F’sessjoni informattiva mal-midja fil-preżenza tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, sostna li l-Awtorità temmen bis-sħiħ li kulħadd – bla ebda eċċezzjoni – għandu d-dritt li jkollu saqaf diċenti fuq rasu.
Waqt din il-laqgħa ssemma li, għalkemm f’pajjiżna hawn rata ta’ sjieda tad-djar qawwija, ta’ aktar minn 80 dil-mija, l-Awtorità tad-Djar għandha bosta skemi differenti biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjoni tiegħu li jkun sid ta’ daru. Huwa qal li l-pass li jmiss fis-settur tal-akkomodazzjoni issa huwa li jkun hemm aktar għajnuna, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam l-affordabbiltà.
Intant, fil-ġranet li ġejjin se jibdew jintbagħtu l-ewwel ċekkijiet tal-elf ewro minn għaxart elef f’għaxar snin lill-first-time buyers. Kważi kull min kien eliġibbli għal din l-iskema, madwar 1,700, applika għaliha.
Min-naħa tiegħu, iI-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Jake Azzopardi, qal li l-Fondazzjoni hija impenjata biex toħloq iċ-ċirkostanzi sabiex ikun vijabbli li n-nies jinvestu f’akkomodazzjoni affordabbli. Huwa qal li għandha tinstab soluzzjoni vijabbli, li tibda minn proprjetajiet li huma battala.
II-mira hija li l-problema tal-housing affordabbli tiġi indirizzata biex nies bi dħul baxx u medju jkunu jistgħu jlaħħqu mal-kera. Huwa żied jgħid li, bl-intervent tal-Awtorità tad-Djar u b’diversi skemi, din il-kategorija ta’ nies tiġi megħjuna tlaħħaq mal-prezz tas-suq.
L-impenn tal-Awtorità tad-Djar u tal-Fondazzjoni huwa li jiġu indirizzati problemi ta’ housing li jaffaċċjaw persuni bi sfidi soċjali. Għalkemm saru passi kbar, wasal iż-żmien li jkun hemm stock b’saħħtu ta’ appartamenti bi prezz affordabbli. Dan jgħin sabiex persuni li ma jikkwalifikawx għall-akkomodazzjoni soċjali minħabba d-dħul tagħhom, iżda li xorta waħda qed isibuha diffiċli biex ikollhom il-proprjetà tagħhom, ikunu jistgħu jibdew jimirħu f’din il-possibiltà li jsiru sidien ta’ darhom.
Staqsejna lil Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabli Jake Azzopardi dwar it-triq ‘il quddiem, biex jintlaħaq l-għan tal-Fondazzjoni vis-à-vis s-sostennibilità finanzjarja u dik ambjentali.
Qal, “Fl-immedjat, irridu nkunu preparati biex noffru soluzzjoni ta’ investiment, alternattiva ta’ investiment, għall-proprjetajiet vakanti li jeżistu f’pajjiżna, u naraw kif minn dawk l-isfidi noħolqu opportunitajiet ta’ housing affordabbli. Fit-tielet lok, imbagħad, irridu naraw li noħolqu opportunitajiet ta’ investiment, mudelli finanzjarji li verament, imbagħad, fit-tul iħallu riżultat biex ikollna suq ta’ housing affordabbli li jkun vijabbli għall-investitur privat ukoll.”
Waqt dan l-aġġornament għall-midja, tħabbar ukoll li dalwaqt se jiġi ppubblikat rapport ta’ studju ħolistiku li sar dan l-aħħar dwar il-kirjiet f’pajjiżna, ibbażat fuq il-kirjiet u l-kuntratti irreġistrati.