Nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta’ Marzu, il-Knisja tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. L-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-10:30 a.m., ibierek il-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ, u wara jiċċelebra Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.Matul il-Quddiesa jinqara r-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelju skont San Mark.
L-Erbgħa, 28 ta’ Marzu, fis-7:30 p.m, l-Arċisqof ser imexxi l-Via Sacra Djoċesana li tibda minn ħdejn l-istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il-lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il-Ħamis, 29 ta’ Marzu, Ħamis ix-Xirka, fid-9:00 a.m., l-Arċisqof jiċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Matul din il-Quddiesa, flimkien mal-Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni tagħhom.
Dakinhar filgħaxija, fis-6:30 p.m., fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Matul din il-Quddiesa, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-Kappella tar-Ripożizzjoni, għall-qima tal-Insara.
Il-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu, il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3:30 p.m., l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
Is-Sibt, 31 ta’ Marzu, Sibt il-Għid, fit-8:00 p.m., l-Arċisqof imexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral, u tkompli bil-liturġija tal-Kelma, il-liturġija tal-Magħmudija, u l-liturġija tal-Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni ser jiġu amministrati s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lill-adulti.
Il-Ħadd, 1 ta’ April, Ħadd il-Għid, fl-10:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.
Iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa li ser isiru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, ser jixxandru ‘live’ fuq il-YouTube Channel tal-Knisja f’Malta.