Aktar kmieni din is-sena ġiet ippubblikata reviżjoni tal-Pjan Nazzjonali għal Enerġija Rinovabbli biex Malta tilħaq il-miri tagħha f’dan il-qasam importanti – miri li jistabbilixxu li Malta tilħaq 10% f’enerġija rinovabbli mit-total tal-użu tal-enerġija fil-pajjiż. Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma qed ikompli jħabbar skema ġdida ta’ għajnuna għal solar farms ta’ daqs akbar minn 1MWp.
Grazzi għal numru ta’ skemi mħaddma matul l-aħħar snin, il-kapaċità tal-pannelli tax-xemx żdiedet minn 15.7 MWp fl-2012 għal aktar minn 100MWp matul din is-sena.
Permezz ta’ dawn l-iskemi gawdew eluf ta’ familja li llum qed jiġġeneraw enerġija nadifa u jiffrankaw mill-kont tal-elettriku tagħhom, kif ukoll ammont sabiħ ta’ intrapriżi li għarfu jaħtfu l-opportunità biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom billi jinvestu f’enerġija nadifa.
“Però, hekk kif hemm imsejjes fil-pjan nazzjonali, fadal xi jsir biex Malta tilħaq il-miri tagħha għall-2020. Kien għalhekk li f’Ottubru, wara konsultazzjoni estensiva mal-istakeholders, tnediet is-solar farm policy flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar – policy bil-għan li tiggwida investituri lejn siti adattati għal żvilupp ta’ solar farms filwaqt li tiżgura li jibqa’ mħares l-ambjent naturali u żoni agrikoli,” saħaq il-Ministru Mizzi.
Huwa stmat li fit-tliet snin li ġejjin jiġu żviluppati sa 50MWp f’solar farms li jokkupaw arja ta’ madwar 700,000 metru kwadru. Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li tiġi introdotta skema ġdida ta’ għajnuna biex jiġu inċentivati dawn l-impjanti.
Dan jinvolvi proċess kompetittiv fejn l-iżviluppaturi se jiġu mistiedna jikkompetu għal tariffa biex b’hekk ikunu dawk il-proġetti l-aktar cost efficient li jirċievu għajnuna. L-ewwel tranche ġiet ippubblikata din il-ġimgħa u tammonta għal 15MWp. Aktar allokazzjonijiet mistennija jitħabbru fl-2018. Se ssir laqgħa għal aktar informazzjoni nhar it-Tnejn, 20 ta’ Novembru 2017 fl-uffiċini tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Triq it-Teatru l-Antik, Belt Valletta.
“Il-Gvern konvint li s-settur privat se jagħraf din l-opportunità ta’ investiment u b’hekk, bil-għajnuna tal-Gvern, inkomplu nkabbru s-settur tal-enerġija rinovabbli biex nassiguraw dejjem ambjent aktar nadif u sostenibbli”, ikkonkluda l-Ministru Mizzi.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit: https://energywateragency.gov.mt jew jibgħat email fuq: info-energywateragency@gov.mt