Wara li għal għexieren ta’ snin is-servizz tas-saħħa mentali kien twarrab fil-ġenb, il-Gvern nieda pjan ta’ strateġija li se jiffoka l-ħidma f’dan is-settur għall-għaxar snin li ġejjin. F’kummenti ma’ ONE News, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-Gvern ilu madwar sentejn jaħdem fuq dan il-pjan fit-tul, li qed jinvolvi lill-pazjenti u l-familarji f’dan is-settur.
Din l-istrateġija b’75 proposta hija l-frott ta’ sentejn ħidma mill-partijiet kollha nvoluti fis-settur tas-saħħa mentali. Dr Natasha Muscat mid-Dipartiment tas-Saħħa pubblika spjegat li dan il-pjan se jiffoka fuq erba’ punti ewlenin. Fost dawn hemm il-promozzjoni tas-saħħa mentali fl-iskejjel u postijiet tax-xogħol, u tibdil fis-servizzi ta’ saħħa mentali biex dawn jingħataw fil-komunità u b’mod eżżezzjonali. “Biss, naraw li wieħed ikun hemm bżonn li jidħol f’istituzzjoni. Hawnhekk ukoll, qed naraw li nibnu sptar ġdid akut fuq il-kampus ta’ Mater Dei, u li l-Isptar Monte Karmeli jinbidel kompletament biex jieħu ħsieb dawk li għandhom bżonn kura fit-tul”.
Dr Muscat qalet ukoll li jrid isir aktar investiment fir-riżors uman u li għandha tibda titħaddem sistema tal-informatika aktar effiċjenti. “Biex dan kollu jsir, hemm bżonn li ninvestu fir-riżors uman, hemm bżonn ukoll li ninvetu f’sistema tal-informatika moderna, li jkollha l-informazzjoni dwar il-pazjenti, u li kollox jiġi mqassam b’mod organizzat, biex b’hekk, verament inkunu nistgħu nagħmlu l-bidla kif suppost”.
Din l-istrateġija ssuġerixxiet ukoll li l-kura fost it-tfal u l-adoloxxenti tittejjeb b’żieda fis-servizzi offruti fl-iskejjel, fl-MCAST u fl-Univesrità.
Sabiex il-ħidma fis-settur tkun tista’ tiġi ffokata b’mod aħjar se jiġi kkumisjonat studju nazzjonali dwar is-saħħa mentali. Dan l-istudju se jitfa’ aktar dawl fuq il-qagħda tas-saħħa mentali f’pajjiżna li jolqot eluf kbar mill-popolazzjoni Maltija.