Il-Gvern nieda Venture Capital Fund ta’ għaxar miljun ewro bil-għan li jservi ta’ għajnuna għal startups li jaf isibu diffikultà meta jfittxu sostenn mill-banek.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, waqt it-TechXpo li qed tittella’ fuq tlett ijiem u qed isservi ta’ vetrina għal bosta kumpaniji u l-ħidma tagħhom. Hu spjega kif, bħala Gvern, se jkun qed jinvesti b’equity f’dawn il-kumpaniji, partikolarment f’oqsma ta’ teknoloġija innovattiva bħall-video game development, Fintech u eSports.
Schembri spjega kif l-għan ewlieni ta’ dan il-venture capital hu li l-Gvern jgħin lill-intraprendituri ambizzjużi joħolqu prodotti u soluzzjonijiet innovattivi biex f’pajjiżna tiġi assigurata ekosistema sħiħa ta’ sapport u ta’ finanzjament.
“Dan hu Gvern li ma jibżax imexxi ’l quddiem u llum għalhekk nidejna, għamilna l-istrutturi neċessarji kif din se tkun qed taħdem kif ukoll mas-settur privat biex ikollna venture capital fund u ngħinu lil dawn il-kumpaniji b’mod partikolari mill-qasam diġitali u teknoloġiku biex jagħmlu l-qabża li jmiss.”
Silvio Schmebri – Ministru
Spjega kif id-diġitalizzazzjoni tmiss ma’ bosta setturi fejn spjega kif f’perjodu ta’ għaxar snin, l-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna kibret b’erba’ darbiet aktar. Frott tal-istrateġija ċara ta’ dan il-Gvern f’dan il-qasam.
Hu tenna dwar l-importanza ta’ esebizzjonijiet bħal dik tat-TechXpo.
“Nagħtu l-opportunità lill-industrija Maltija li tkun tista’ tesebixxi hawn is-servizzi u l-prodotti tagħha speċjalment il-qabża li għamlet fl-aspett diġitali. Nistgħu naraw li fabbriki tradizzjonali jinvestu fil-qasam diġitali u automation u naraw l-investiment. Illum il-fabbriki minn kmamar tal-produzzjoni saru laboratorji u għalhekk dak hu l-importanza li nkomplu nippromwovu.”
Silvio Schmebri – Ministru
It-TechXpo se tkun miftuħa għall-pubbliku b’xejn nhar il-Ħamis li ġej fejn wieħed flimkien mal-familja tiegħu jista’ jattendi u jsegwi mill-qrib l-innovazzjonijiet fid-dinja diġitali.