Mis-sena skolastika li jmiss, studenti li jattendu skejjel tal-istat u li huma orjentati lejn l-isport u qegħdin fis-seba’ sena se jkollhom l-għażla li jagħżlu suġġett ġdid, bl-isem Sport Career Development Programme (SCDP), bħala parti mill-istudji tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li “dan se jsir wara studju ta’ verifika kkummissjonat mill-MEDE rigward l-evoluzzjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport matul l-aħħar sitt snin mill-operazzjonijiet li bdiet. L-Iskola Nazzjonali tal-Isport b’mod ġenerali twassal servizz ta’ kwalità tajba iżda wasal iż-żmien li niffokaw ukoll fuq studenti li ma jirnexxilhomx jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
“Din tingħaqad ma’ diversi inizjattivi meħuda fis-snin riċenti mill-gvern fil-qasam tal-PE u l-isport peress li se tkompli wkoll tgħin fl-indirizzar tal-problema nazzjonali relatata mal-obeżità adolexxenti”, qal is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima. Wara s-suċċess tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport matul l-aħħar sitt snin tagħha, il-gvern ħass il-ħtieġa li jilħaq aktar lil studenti li ma jirnexxilhomx jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Dan il-programm il-ġdid se jgħin biex jiżdied in-numru ta’ studenti speċifiċi għall-isport, minn 45 għal kull sena skolastika (f’NSS) sa 325 b’kollox.
Il-programm il-ġdid se jkollu 7 dixxiplini li minnhom student jista’ jagħżel biss wieħed. Dawn jinkludu atletika, baseball/softball, basketball, żfin, football, handball u rugby. Dan huwa proġett ambizzjuż li jagħti lill-istudenti approċċ ħolistiku lejn l-isport mhux biss mill-perspettiva tal-logħob. F’dan is-suġġett ġew inklużi wkoll moduli oħra bħall-media, il-fotografija, in-nutrizzjoni, l-ewwel għajnuna, u l-amministrazzjoni fost oħrajn biex jagħtu lill-istudenti l-għodda u l-ħiliet meħtieġa biex jimxu ’l quddiem meta l-karriera tal-logħob tagħhom tispiċċa.
Dan is-suġġett, li fl-aħħar mill-aħħar ikun akkreditat fil-Livell 3 tal-MQF, se jkollu erba’ lezzjonijiet ta’ kull ġimgħa flimkien ma’ tliet lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika.
L-applikazzjonijiet jintemmu nhar it-Tnejn 23 ta’ April u l jistgħu jinkisbu online fuq www.education.gov.mt.