Il-fondazzjoni Inspire u l-Fondazzjoni Richmond nedew pjattaforma online, magħrufa bħala Know Your Rights, sabiex persuni b’diżabilità kif ukoll dawk li jieħdu ħsiebhom, ikollhom aktar aċċess sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.
F’dan is-sit online, il-persuni b’diżabilità għandhom it-tweġiba għal 78 mistoqsija dwar bosta servizzi li jistgħu jibbenefikaw minnhom fosthom dak ta’ Learning Support Educator.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire Foundation, Antonello Gauci, qal li dan is-sit online se jservi ta’ għajnuna ferm fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn in-nies għax jagħti tweġiba lil għexieren ta’ mistoqsijiet li jkollhom il-persuni b’diżabilità u qrabathom fosthom dwar il-benefiċċji soċjali li huma intitolati għalihom.Spjega li dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet tfasslu wara riċerka delikata u estensiva li saret is-sena li għaddiet f’diversi oqsma bħall-edukazzjoni, ix-xogħol, il-kura, l-isports, l-aċċess għall-benefiċċji soċjali u l-ġustizzja.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita, Anthony Agius Decelis, laqa’ u faħħar bis-sħiħ ir-riċerka li saret biex eventwalment setgħu jiġu żviluppati mistoqsijiet ta’ dan it-tip. Temm jgħid li studji bħal dawn qed jimlew il-vojt li kellna f’dan il-qasam.
Il-proġett huwa ko-finanzjat mill-iskema proġetti għaqdiet tal-volontarjat.