Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda simpożju bit-tema ‘Il-Villaġġ Malti’. Dan is-simpożju hu r-raba’ wieħed organizzat minn Wirt iż-Żejtun, li ilhom jorganizzaw simpożji biennali mill-2012.
“Il-lokalitajiet tagħna għandhom it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħhom u grazzi għal inizjattivi ta’ din is-sura qed ningħataw l-opportunità biex nitgħallmu aktar dwar il-komunitajiet tagħna filwaqt li niġbru aktar għarfien dwar l-importanza li nħarsu l-valuri kulturali misjuba f’dawn il-lokalitajiet”, qal il-Ministru Bonnici.
Filwaqt li dan is-simpożju għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-valuri kulturali f’dawn l-ispazji, is-simpożju għandu wkoll l-għan li nifhmu aħjar il-formazzjoni u l-karatteristiċi tal-ibliet u tal-irħula tagħna.
Numru ta’ riċerkaturi, ta’ storiċi u ta’ akkademiċi ġew mistiedna biex jagħtu kontribuzzjoni għal dan is-simpożju permezz ta’ studji preparati dwar dan is-suġġett. Il-kelliem ewlieni ta’ dan is-simpożju se jkun il-professur magħruf Dr Brian W. Blouet mill-Università William and Mary Williamsbrug mill-Istati Uniti, li hu magħruf għall-ktieb tiegħu The Story of Malta.
Is-Sur Joseph Schirò, li se jkun qed iwassal informazzjoni dwar mapep li juru l-iżvilupp tul iż-żmien tal-Contrada di Sancta Caterina, jew aħjar l-inħawi taż-Żejtun u l-madwar u Dr Keith Buhagiar se jippreżenta riċerka dwar kif is-sors tal-ilma influwenza l-għajxien u l-agrikultura fin-naħa ta’isfel ta’ Malta fiż-Żminijiet tan-Nofs. Il-Perit Veronica Micallef se titkellem dwar il-memorja kollettiva ta’ spazji urbani u binjiet fil-lokalitajiet tagħna, bi studju speċjali fuq Raħal Ġdid.
Dr George Said Zammit irriċerka l-evoluzzjoni tad-dar Maltija fiż-Żminijiet tan-Nofs filwaqt li l-Professur Denis De Lucca se jitkellem dwar studju ta’ kif il-Knisja Barokka influwenzat it-tiswir tar-raħal Malti. Il-Perit Edward Said se jagħmel preżentazzjoni dwar l-influwenza tal-ħakma Ingliża fuq ir-raħal Malti kif ukoll l-effett li ħalliet wara l-Indipendenza. Il-Professur Conrad Thake se jitħaddet dwar numru ta’ studji li għamel dwar kif inbidlu nħawi sħaħ fl-irħula tagħna b’mod speċjali matul l-aħħar ħamsin sena.
L-istudji mressqa se jiġu ppubblikati bl-Ingliż biex l-informazzjoni tkun tista’ titqassam fuq firxa aktar wiesgħa ta’ nies interessati fit-tema kif ukoll biex isservi bħala dokument ta’ riċerka għall-ġenerazzjonijiet futuri dwar il-wirt soċjali prezzjuż.
Dan is-simpożju se jittella’ nhar is-Sibt 20 ta’ Ottubru fil-Gran Salon tal-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali fil-Belt Valletta. Dawk interessati li jipparteċipaw huma mistiedna li jirreġistraw fuq www.wirtizzejtun.com.