Ġie imniedi servizz ġdid b’magna tal-Ultrasound tal-ogħla livell f’San Vinċenz de Paul. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li dan qed isir b’investiment ta’ tmenin elf ewro.
Din il-magna ta’ Ultrasound se tkun qed toffri servizzi varji bħal kardjoloġija, kirurġija vaskulari u ġenerali, mediċina, djanjożi u diversi mard ieħor.
Din se tkun qed tingħaqad ma’ kullana ta’ servizzi kliniċi ġodda li diġà qed jingħataw f’San Vinċenz de Paul.
“Din ħa tgħaqqad mal-kullana ta’ servizzi u kliniċi ġodda li qed noffru minn dan il-post. Din is-sens biss biss kellna diġà 1,300 appuntament f’dawn il-kliniċi.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru tenna li, b’din il-magna, ir-residenti ta’ San Vinċenz, li jammontaw għal madwar 1,500, u ċ-ċittadini fil-komunità se jkunu jistgħu jirċievu servizz b’mod spedit u kull anzjan ikun moqdi sew. Tenna wkoll li b’hekk se titnaqqas l-lista ta’ stennija għal ultrasound li hemm fl-Isptar Mater Dei.
Fl-istess konferenza tħabbar ukoll li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jiżdiedu żewġ magni oħrajn simili.
“Meta jibda servizz ġdid tkun taf li s-servizz sejjer tajjeb għax in-nies, il-pazjenti jikkonkorru għalih kif ukoll l-ispeċjalisti. Tant li din ħa tkun l-ewwel magna tal-Ultrasound. Aħna qed nippjanaw li jkollna tnejn oħra.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, it-Tabiba Josianne Cutajar, qalet li dan hu pass ieħor ’il quddiem u li din il-magna hi parti minn strateġija akbar li tiżgura l-aqwa kura għall-anzjani.
It-Tabib Kieran Chircop, li kien preżenti waqt l-inawgurazzjoni, żanżan din il-magna billi għamel ultrasound lil persuna li b’mod volontarju riedet tara kif jitwettaq dan il-proċess.