B’investiment ta’ €100,000, ġie mniedi servizz ġdid ta’ trasport assistit għar-residenti ta’ Raħal Ġdid. Dan permezz ta’ servizz li se jingħata permezz ta’ vann tal-elettriku aċċessibbli b’rampa, għall-użu ta’ residenti anzjani u persuni b’diżabilità.
Dan is-servizz ġie mniedi mis-Segretarji Parlamentari Alison Zerafa Civelli u Chris Bonett, fejn intqal li dan il-proġett hu ffinanzjat minn fondi Norveġiżi u dawk mill-Kunsill Lokali.
Dan is-servizz b’xejn se jidħol fis-seħħ mit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu, bis-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, jispjega kif se jkun qed jaħdem.
“Dan hu trasport bla ħlas li se jkun qed jagħti s-servizz tiegħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:30 u s-2:00, u s-Sibt bejn it-8:00 u n-12:30. Dan se jkun għal dawk l-anzjani li anke għandhom lil xi ħadd f’San Vinċenz de Paule, jiġifieri se jkun qed iservi fil-lokal tagħna, eżempju dawk l-anzjani jew in-nies b’diżabilità, li għandhom bżonn dawn is-servizzi jistgħu jagħmlu użu miċ-ċentru tas-saħħa jew il-kunsill jew anke b’xi servizz fil-lokal tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li hu d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja indipendenti. Hi faħħret ukoll l-għaqal tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li għamel użu tajjeb mill-fondi tiegħu favur servizz pubbliku fil-qalba tal-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett sostna li l-proġett qed joħloq element ta’ ġid fis-soċjetà għall-anzjani tagħna u għal persuni b’diżabilita u bih ikompli jenfasizza l-miri ta’ dan il-Gvern biex ikun hemm dejjem viċin in-nies.