Ġie mniedi servizz ġdid ta’ screening tal-oftalmoloġija fid-djar residenzjali għall-anzjani.
Dan is-servizz se jkun offrut fid-djar residenzjali tal-Gvern, kif ukoll f’dawk immexxija b’sħubija bejn il-Gvern u s-settur privat, u anke f’dawk id-djar fejn il-gvern jixtri s-sodod.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius, hekk kif intqal li dan il-programm beda bħala proġett pilota f’Dar il-Mistrieħ, il-Furjana u issa tnieda dan is-servizz f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa.
L-għan ta’ dawn it-testijiet huma maħsuba biex jiġu identifikati kundizzjonijiet bħal dijabete, glawkoma, anke qabel ma jidhru sintomi ċari. Is-servizz għandu l-għan li jipprevjeni t-telf tal-viżta qabel ma jkun tard wisq.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo Degabriele qal li permezz ta’ din l-inizjattiva se jkunu qed jindirizzaw madwar 4,000 anzjan li ser jgħaddu minn dan l-iscreening fil-ġimgħat li ġejjin.
“Dan huwa servizz li se jkun f’kull dar tal-anzjani mingħajr ma jkollom l-iskariġġ li joqgħodu jmorru jagħmlu appuntamenti fl-Outpatients, b’hekk aħna ħa naraw li l-problemi naqbudhom fi żmien kmieni u nkunu nistgħu nikkurawhom fi żmien qasir ħalli hekk il-vista l-aktar ħaġa mportanti mis-sensi tal-bniedem, tkun ipproteġuta kemm jista jkun f’dawn l-anzjani vulnerabbli.”
RENZO DEGABRIELE
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega l-importanza ta’ din l-inizjattiva fejn l-għan huwa li jiġi żgurat li l-anzjani jibqgħu f’qagħda ta’ saħħa eċċellenti.
“Dejjem nagħmlu li nistgħu għall-anzjani tagħna, dejjem nippruvaw nżidu s-servizzi aktar, u nirringrazzja lill-Active Ageing and Community Care u lin-nurses li qiegħdin joffru dan is-servizz ħalli nkunu nistgħu nipprovdu servizz t’eċċellenza lill-anzjani tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan tagħna huwa li nżommuhom kemm jista’ jkun tajbin, komdi u kuntenti fi stat ta’ saħħa tajjeb.”
MALCOLM PAUL AGIUS GALEA