L-anzjani li għandhom ‘l fuq minn sittin sena se jkunu jistgħu jgawdu minn gwida relatata ma’ kif huma jista’ jkollhom l-aħjar dieta li tkun speċifikata għall-bżonnijiet tagħhom.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia qal li għal dan is-servizz se jkun hemm disa’ professjonisti impjegati mad-dipartiment tal-Anzjanità Attiva sabiex jingħata dan is-servizz.
Qal, “Ħalli mhux biss nilħqu lill-anzjani li qegħdin fid-djar tal-gvern imma kull fejn għandna anzjani jew fis-settur tal-privat jew nkella djar li huma mmexxija mill-privat ħa nkunu qegħdin nagħtuhom servizz ta’ dieta speċjalizzata. Qegħdin nitkellmu madwar erbat elef anzjan f’pajjiżna li se nkunu qegħdin nagħtuhom dan is-servizz”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Renzo Degabriele qal dan is-servizz qed jiġi offrut bħala parti mill-proċess ta’ analiżi ta’ bosta servizzi sabiex titjieb s-saħħa tal-anzjani u l-kura tasal sa djarhom stess.
Spjega, “L-anzjani li għandhom dawn id-diffikultajiet per eżempju ma jistgħux jieklu ċertu ikel li jkun iebes u allura jridu jieħdu affarjiet differenti, anzjani li għandhom ‘naso-gastric tube’ jiġifieri jkun hemm tubu li jkun imdaħħal mill-imnieħer għall-istonku u qed jieħdu nutrizzjoni b’mod mhux normali. Għandna każijiet fejn allura dawn l-anzjani qegħdin ikollhom bżonn din il-kura speċjalizzata u dawn il-pariri speċjalizzati.”
F’din il-konferenza tħabbar ukoll se jkun qed isir proġett fid-djar tal-anzjani sabiex l-anzjani kollha jitgħallmu jagħmlu użu aħjar mill-mobile kif ukoll minn app relatata ma’ saħħithom.
Rigward ir-rilaxx tal-miżuri li ġew mħabbra l-Ħamis filgħodu, il-Ministru Farrugia saħaq li l-ġimgħa d-dieħla se jitħabbar r-rilaxx ta’ miżuri għad-djar tal-anzjani riżultat tas-suċċess li qed jikseb il-vaċċin f’pajjiżna.