Ġie mniedi uffiċjalment prospett ġdid tal-korsijiet għall-adulti għas-sena 2020 u 2021. Din id-darba madankollu dan bid-differenza li numru ta’ korsijiet ser ikunu qed jingħataw online. Dan wara li din is-sistema komda bdiet tintuża fi żmien meta d-dinja kienet milquta mill-pandemija. Għall-ewwel darba l-età tal-applikazzjoni għall-korsijiet tniżżlet għal 15-il sena.
Dan sabiex studenti li jkunu ser jitilqu mis-sistema edukattiva, jingħataw l-opportunità biex ikomplu l-istudju tagħhom f’xi kors għall-adulti. Filfatt is-Segretarju Permanenti Frank Fabri nnota kif filwaqt li qabel pajjiżna kellna 21.7% tal-istudenti li joħorġu kmieni mis-sistema edukattiva, Dan il-persentaġġ naqas għall-16.7%.
L-applikazzjonijiet ser jibqgħu jkunu aċċettati sa nhar is-sebgħa t’Awwissu.
“Hemm dawk il-korsijiet relatati mal-ħiliet bażiċi, fejn wieħed jista’ anke jitgħallem jikteb u jaqra, u jtejjeb il-qari u l-kitba fl-Ingliż u bil-Malti, hemm ukoll korsijiet relatati mal-lingwi fejn wieħed jista’ jitgħallem lingwi diversi bħal Taljan, Franċiż, Ġappuniż, Għarbi, imbgħad għandna korsijiet relatati mas-saħħa u kif wieħed għandu jieħu ħsieb saħħtu. Korsijiet oħra relatati mal-artiġġjanat u l-Crafts.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, spjega li t-titjib li sar fil-korsijiet għall-adulti juri l-impenn li għandu dan il-Gvern sabiex il-Maltin jibqgħu jinvestu fihom infushom tul ħajjithom.
“Aħna impenjati biex inkomplu ngħollu. l-lifelong learning mill-adult education u ngħolluh fil-livelli li jixirqilhom, biex bħal ma’ għandna l-Universitá li hija importanti, l-MCAST, l-istituzzjonijiet terzjarji, primarji u sekondarji. Hekk ukoll l-adult learning, il-lifelong learning huwa importanti daqshom, daqs dawn l-istituzzjonijiet għax huwa wieħed mill-pedamenti tas-sistema edukattiva tagħna.”