Minkejja li din is-sena, Jum San Valentinu qed jiġi ċċelebrat l-għada tal-Karnival, xorta waħda qed jiġu organizzati għadd t’attivitajiet hekk kif tali festa tifforma parti wkoll integrali mill-kalendarju kulturali Għawdxi.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, nieda l-programm ta’ attivitajiet marbutin ma’ Jum San Valentinu mifrux fuq ħamest ijiem bejn l-14 u t-18 ta’ Frar.
Qal, “Illum proprju qegħdin inniedu l-programm Valentine’s in Gozo, programm mimli attivitajiet anke tul dan il-perjodu ta’ wara l-festi tal-Milied, attivitajiet li se jkomplu wkoll proprju wara żmien il-Karnival u għaldaqstant proprju anke dan l-istaġun se jkun wieħed li se jattira diversi Maltin, diversi turisti lejn din il-gżira. Staġun ukoll li se jkollu numru ta’ attivitajiet għal kulħadd bħalma huma kunċerti, drive-in cinema kif ukoll numru ta’ esebizzjonijiet u events oħrajn mifruxin mal-gżira Għawdxija.”
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li, għal darb’oħra, Għawdex se jkollu sena oħra produttiva fis-settur turistiku bl-impenn tal-istakeholders kollha. Fl-istess ħin qal kif l-impenn tal-istess Ministeru u tal-operaturi f’dan il-qasam tant kruċjali għal Għawdex joħloq esperjenza mill-isbaħ għall-viżitaturi.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet wieħed jista’ jidħol fuq is-sit https://eventsingozo.com/valentines-in-gozo-2024/ jew jaċċessa l-programm minn fuq https://issuu.com/visitgozo/docs/valentine_s_in_gozo_2024.