Il-MITA llum nediet l-iStudent Placement Programme (SPP) li issa ilu għaddej għal diversi snin. Dan il-programm hu mezz ta’ kif il-Gvern jiffaċilita l-ħolqien ta’ opportunijiet ta’ xogħol temporanju għal studenti fil-qasam tal-ICT.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-programm, il-Ministru Emmanuel Mallia semma kif Malta tiffaċċja diversi sfidi fis-settur teknoloġiku, l-aktar minħabba l-bżonn li jkun hemm nies ikkwalifikati u speċjalizzati f’diversi partijiet tas-settur. Għaldaqstant, il-Ministru Mallia qal li hu importanti li nkomplu nagħmlu ħilitna biex inżidu n-numru ta’ ħaddiema u l-kompetenzi tagħhom fis-settur biex b’dan il-mod inkunu nistgħu nikkompetu b’mod differenzjat.
Għal dan il-għan, il-Ministru qal li hu importanti li l-istudenti u ż-żgħażagħ jiġu offruti l-opportunitajiet biex jitħarrġu għax-xogħol u għar-rwoli tagħhom fil-futur. Minbarra l-bżonn li jingħataw edukazzjoni biex jiksbu l-kwalifiki, il-Ministru semma wkoll li jitgħallmu dwar ħiliet oħra, imsejħin soft skills, li jinkludu l-komunikazzjoni, l-kunfidenza u l-karattru biex b’dan il-mod min iħaddem ma jkollux jiffaċċja ċerti sfidi biex isib il-kandidati addattati.
Il-Ministru Mallia qal li l-programm tal-SPP għandu proprju dan il-għan li jipprovdi lill-istudenti bil-ħiliet u l-għarfien li għandhom bżonn biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jagħti l-opportunità lil min iħaddem biex jiggwadanja minn individwi ppreparati adegwatament fuq ix-xogħol.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru semma wkoll kif ċerti suġġerimenti li saru mill-industrija ntlaqgħu u ġew adottati biex il-programm jibqa’ wieħed relevanti u effettiv. Dawn is-suġġerimenti kienu jinkludu li l-placement isir qabel jew wara Lulju; u li l-istudenti jaħdmu b’mod flessibbli skont l-esiġenzi tax-xogħol.
Il-Ministru semma wkoll li dan il-programm hu wieħed sempliċi u bla burokrazija biex jiġbed l-interess tal-intrapriżi u anke ta’ entitajiet li jaħdmu fil-volontarjat. Spjega kif permezz ta’ formoli elettroniċi, min iħaddem jista’ jagħżel x’ħiliet u l-ammont ta’ studenti li għandu bżonn, filwaqt li fl-aħħar tal-placement jintużaw biex min iħaddem jieħu lura l-flus dovut lilu.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA, Tony Sultana spjega kif jaħdem dan il-programm fejn jingħata 50% sussidju tas-salarju tal-istudenti lill-industrija privata, filwaqt li jingħata 100% tas-salarju lil dawk l-entitajiet fis-settur u s-servizz pubbliku u lill-għaqdiet non-governattivi.
Biex ikun hemm aktar flessibilità f’dan il-programm, is-Sur Sultana qal li se jkunu qegħdin jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-imprendituri t-330 siegħa li se jiġu ssussidjati u min iħaddem jista’ jqassamhom kif inhu l-aħjar għalih.
Iċ-Ċermen tal-MITA ssuġġerixxa wkoll li fil-każ tas-settur u s-servizz pubbliku, l-istudenti jintużaw għal proġetti relatati ma’ għarfien, fejn l-istudenti għandhom kapaċitajiet tajbin biex iwettquhom.
Filwaqt li appella lill-industrija privata, lis-servizz u lis-settur pubbliku, kif ukoll lis-settur tal-volontarjat biex joffru din l-opportunità ta’ xogħol lill-istudenti, is-Sur Sultana spjega li min hu interessat għandu jirreġistra fuq il-websajt tal-MITA. Fir-rigward tal-istudenti, iċ-Ċermen tal-MITA qal li dawn mistennija jkollhom kwalifika fl-ICT (jew suġġett relatat mal-ICT) ta’ Livell 4 skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi.