L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet programm kulturali għall-kapitali għall-ewwel sitt xhur tas-sena.
Programm imżewwaq li ser joffri spinta friska lill-Belt Valletta fi żmien fejn ukoll qed tirkupra minn żmien ta’ sfida li ġabet magħha l-pandemija.
Il-programm huwa mogħni b’attivitajiet diversi, fost l-oħrajn bir-ritorn tal-avveniment Cinema in the City u b’attivitajiet li jvarjaw skont il-festi li huma ċċelebrati fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
Dan il-programm ser jingħalaq bir-ritorn tal-Pageant of the Seas li ser isir fil-25 ta’ Ġunju.
Iċ-Chairman tal-Aġenżija kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef stqarr kif il-programm kulturali għal din is-sena huwa kollu kemm hu lest iżda bi prudenza, anke minħabba s-sitwazzjoni fluwida li ġġib magħha l-pandemija, tħabbar biss il-programm li jkopri l-ewwel sitt xhur.
Stqarr kif dan il-programm huwa legat b’saħħtu tal-Valletta 18, is-sena li fiha il-Belt kienet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
“Nemmnu ħafna li dan il-programm kulturali ser ikun qiegħed jerġa’ jagħti ħajja kulturali, ekonomika u soċjali mill-ġdid, b’mod speċjali fix-xhur bħal Marzu, April, Mejju u Ġunju fil-Belt Valletta. Naturalment ser isegwi kalendarju kulturali ieħor pero nemmnu li dan huwa b’saħħtu ħafna u ser ikun qed jirrispondi tajjeb ħafna għal dan il-bidu ġdid li tant issa qed jistennew il-poplu Malti u Għawdxi wara dawn is-sentejn ta’ safrifiċċji kbar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, stqarret kif dan il-programm kulturali qed juri biċ-ċar kif verament għall-Belt Valletta, wara l-maltemp li ġabet magħha l-pandemija issa ħareġ il-bnazzi.
Il-Ministru għall-Kultura José Herrera laqa’ dan il-programm u stqarr kif wara żmien fejn pajjiżna kellu joqgħod lura mill-attivitajiet kulturali minħabba l-pandemija issa ser inkunu nistgħu ngawduhom mill-ġdid.