Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-MFCC f’Ta Qali, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta makkinarju ġdid, li mistenni jgħolli l-kwalità u jnaqqas it-tbatija tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Waqt li wkoll iltaqa’ mal-ħaddiema tad-diviżjoni u rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom lejlet Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru qal li dan il-proġett jinkludi sistema ta’ drones li, mill-ajru, ikunu jistgħu jidentifikaw l-iskart u b’hekk tħaffef il-proċess ta’ tindif, b’mod partikolari f’żoni li huma rurali u bi sfida għall-aċċessibbiltà.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll studenti mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, li żviluppaw din is-sistema.
Dr Abela faħħar lill-ħaddiema ta’ Clean Malta, li kienu ilhom mat-tletin sena bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom staġnati u kellu jkun dan il-Gvern li, fi ftit ġimgħat wara laqgħa miegħu, ġew indirizzati l-ħtiġijiet u tjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom.
L-istess konferenza ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, u d-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta, Ramon Deguara.
Il-Ministru Dalli qalet li l-indafa twassal għal ambjent aktar b’saħħtu, b’komunitajiet aktar b’saħħithom u li l-investment bla preċedent, li qed isir f’dan il-qasam, qed jikkontribwixxi biex Malta tibqa’ attraenti għall-investiment u, b’hekk, il-Gvern ikun jista’ jibqa’ jinvesti fin-nies.
“U naf li n-nies hemm barra japprezzaw dan ix-xogħol kif napprezzah jiena, kif japprezzah is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield u l-Gvern kollu kemm hu, għax il-kummenti tan-nies kif se jaraw il-lokalitajiet tagħna isbaħ u kif jaraw lill-ħaddiema tal-Cleansing Division fil-lokalitajiet jasal u qed ikun feedback pożittiv ħafna.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli qal kif dan kollu hu parti mill-qafas tal-Viżjoni Malta 2050 u, b’hekk, qed titpoġġa l-ewwel ġebla fil-pedament tal-futur.
Spjega li din mhix biss konferenza, iżda ċelebrazzjoni tal-impenn u t-tmexxija kollettiva favur ġejjieni aħjar.
“Il-ħaddiem jiggwadanja b’kull mezz, jiggwadanjaw b’pagi u kundizzjonijiet aħjar, qiegħdin ibatu inqas, għax illum għandna dan l-investiment, aħna l-ħaddiema, li llum għandna 900 ħaddiem huma is-sinsla ta’ din id-diviżjoni u s-suċċess fl-indafa pubblika hu kollu mertu tagħhom. Flimkien mal-ħaddiema rridu nkomplu ninvestu, għax pajjiżna rriduh isbaħ, aħjar, b’ambjent li jilħqek u bi kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Glenn Bedingfield, Segretarju Parlamentari
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara spjega l-avvanzi li għamlet id-diviżjoni fl-aħħar snin, filwaqt li ta mertu lill-ħaddiema preżenti.