Proġett pilota fil-Mosta ser jara madwar 10,000 familja u negozju jgawdu minn konnettività ta’ internet aktar b’saħħitha permezz ta’ fibre network ġdid.
Il-Kap Eżekuttiv Tamas Banyai spjega kif b’dan il-proġett pilota fil-Mosta ser terġa’ ssir enfasi fuq l-importanza ta’ konnettività qawwija għall-ekonomija u l-komunità Maltija.
Stqarr kif din il-veloċità u saħħa ta’ internet bla preċedent ser twassal sabiex kull membru ta’ familja jkun jista’ jagħmel użu tal-internet fl-istess ħin mingħajr xkiel.
Banyai sostna: “In a household you can have four/five or even more users, downloading, streaming, studying, working at the same time, playing online games at the same times without any compromise so we see this product, the 2000Mbps full fibre product as a key enabler to both homes, to entertainment, to studying, and work as well.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri stqarr kif investimenti bħal dawn juru l-fiduċja li kumpanija bħal EPIC għandha f’pajjiżna.
Stqarr kif permezz tal-investiment tagħha fl-infrastruttura diġitali qed isir ukoll tisħiħ tal-ħaddiem permezz ta’ ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u żieda fil-programmi ta’ apprentistat fost l-oħrajn.
Huwa spjega kif dan l-investiment mhux wieħed iżolat iżda parti minn sforz sabiex tkun imġedda l-infrastruttura diġitali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Schembri saħaq:“Din l-infrastruttura hija importanti sabiex negozji u wkoll dak li jgħidulu foreign direct investment, jiġifieri l-barranin li jridu jiġu jinvestu hawn Malta speċjalment f’ekonomija diġitali bħal dawk li huma tas-servizzi finanzjarji, tal-gaming, tat-teknoloġiji, tal-IT, jkollhom l-infrastruttura neċessarja biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.”