Ġie mniedi proġett pilota marbut ma’ riċerka sabiex jiġu studjati l-effetti mentali u fiżiċi tal-attività fiżika fl-istudenti, liema proġett pilota jissejjaħ Fun Fit Five.
Din l-inizjattiva hija marbuta ma’ wegħda elettorali tal-Partit Laburista, li se tara li l-ħin li l-istudenti jagħmlu f’attivitajiet fiżiċi jiżdied, tant li pajjiżna jimxi lejn mudell fejn it-tfal ikollhom sessjoni ta’ attività fiżika kuljum.
Dan il-proġett huwa riżultat ta’ riċerka oħra, u permezz tiegħu, intagħżlu numru ta’ skejjel fejn tul din is-sena skolastika, se tkun qed issir sessjoni t’attività fiżika kuljum. Wara s-sena skolastika, se tkun qed tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni marbuta mal-impatt ta’ din l-attività fuq l-istudenti.
L-għan aħħari ta’ dan l-istudju hu sabiex l-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel primarji jkollhom sessjoni t’attività fiżika kuljum.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u r-Riċerka, Clifton Grima qal li huwa sodisfatt li l-imsieħba soċjali marbutin ma’ din ir-riċerka għandhom interess fl-edukazzjoni u s-saħħa fiżika tat-tfal, u għażlu li jikkollaboraw flimkien għall-ġid tagħhom.
Stqarr li din l-inizjattiva sservi ta’ ġid għall-istess studenti f’kull qasam tal-ħajja edukattiva tagħhom.
“L-għan wara dan kollu hu li jkollna evidenza li turi l-benefiċċji importanti li l-istudenti jieħdu mhux biss mill-aspett fiżiku iżda mill-aspett sħiħ fl-iżvilupp sħiħ waqt il-perkors edukattiv tagħhom.”
Ma’ ONE News, ir-riċerkatura, Dr Melanie Darmanin stqarret kif l-istudju se jkun ibbażat fuq tliet pilastri, li huma l-qasam fiżiku, akkademiku u l-benessere tal-istudenti involuti.
Spjegat kif ir-riżultati wkoll se jkunu mqassmim sabiex tingħata stampa ċara tal-effetti tal-eżerċizzju.
“Se jkolna riżultati preżentati f’numri u figuri, u kwalitattivi fejn se nkunu qed nisimgħu l-vuċijiet tal-istakeholders kollha, jiġifieri tal-ġenituri, il-coaches, membri tal-SLT, LSEs, u fl-aħħar u ċertament mhux l-inqas, it-tfal stess.”
Intant, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, Gareth Sciberras irrimarka kif bħala persuna b’passat sportiv, huwa jaf sew dwar l-effetti pożittivi li jiġu meta wieħed jiċċaqqlaq.
Għalhekk, huwa rrimarka dwar l-importanza li l-ġenituri wkol irawwmu l-imħabba f’uliedhom lejn l-isport.
“Dan huwa naħseb l-għan prinċipali ta’ kollox, li noħolqu għarfien lit-tfal tagħna, u iktar naħseb importanti, lill-ġenituri tagħhom, kemm hu mportanti li toħrġ barra u tieħu pjaċir, tiċċaqqlaq u tagħmel movimenti, għax tħossok tajjeb u tħossok aħjar.”