Is-Sibt filgħodu ġie inawgurat il-proġett Ħiliet il-Komunità fil-Belt Valletta b’investiment ta’ miljun u mitt elf ewro.
Fl-Oratorju tad-Dumnikani ġie spjegat li l-għan ewlieni huwa li tissaħħaħ is-soċjetà Beltija, li matul is-snin rat tibdil u saħansitra nuqqas fil-popolazzjoni.
Dan il-proġett se jitmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Bħalissa għaddejja riġenerazzjoni fil-parti t’isfel tal-Belt b’investiment li jlaħħaq l-erbgħa u għoxrin miljun ewro minn fondi Ewropej. Iżda, apparti r-riġenerazzjoni fil-bini, permezz ta’ dan il-proġett se ssir ukoll riġenerazzjoni soċjali li b’mod ħolistiku tindirizza l-isfidi tal-komunità fil-kapitali fosthom dwar it-trobbija tal-ulied, l-edukazzjoni u għarfien finanzjarju.
Denise Farrugia, li qed tmexxi l-proġett, tenniet kif permezz tal-ħidma diretta li qed issir mal-komunità, mistennija tissaħħaħ l-identità Beltija.
Barra minn hekk, permezz ta’ ħaddiema fil-komunità u mentors soċjali, il-familji Beltin se jkollhom aċċess għas-servizzi b’mod individwali.
Farrugia qalet, “Tiġi kważi naturali li nintegraw u nitkellmu mal-komunità u aspett ħelu kif tkun qed tkellem persuna tara erbgħa oħra ġejjin fit-triq ikellmuk. Inħossuna li qegħdin jilqgħuna u għandna fiduċja li dal-proġett jimxi ‘l quddiem minħabba li l-komunità qiegħda taħdem magħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ proġett li poġġa lin-nies fiċ-ċentru tar-riġenerazzjoni.
Huwa stqarr: “Meta nitkellmu dwar riġenerazzjoni, m’għandniex inħarsu biss lejn il-bini, lejn ir-restawr, lejn l-infrastruttura imma għandna dejjem inpoġġu fiċ-ċentru lil dawk in-nies li jgħixu f’dik il-lokalità u nies li għadu jridu jgħixu f’dik il-lokalità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti tenna li dan il-proġett huwa bżonjuż biex il-Beltin jibqgħu jgħixu fil-Belt.