Ġie mniedi proġett li se jassisti lil diversi intrapriżi fis-settur tal-manifattura sabiex inaqqsu l-użu tal-ilma tagħhom. Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti simili, u se jkun qiegħed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Business Bureau, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett mhuwiex wieħed iżolat, u permezz ta’ proġetti b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat, jistgħu jiġu miġġielda l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Qalet, “Meta nitkellmu dwar tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tniġġisx, ifisser li ll-pajjiż kollu kemm hu jrid jagħmel il-parti tiegħu, jiġifieri kemm is-settur privat, pubbliku u kemm individwi. Din mhix kwistjoni ta’ politika, din hija kwistjoni ta’ pajjiż kollu kemm hu. Qegħdin naraw li f’kull ħaġa li nagħmlu, permezz ta’ numru ta’ inizjattivi u permezz tal-entitajiet tal-Gvern, inkunu qegħdin naħdmu flimkien mar-rapreżentanti tas-settur privat, f’dan il-każ, il-Malta Business Bureau u anke l-kamra tal-kummerċ biex naraw li ikollna dawk l-inċentivi li verament jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-industrija, s-settur tal-manifattura u l-ħwienet iż-żgħar.”
Min-naħa tagħha, il-President tal-Malta Business Bureau, Alison Mizzi sostniet li t-tibdil fil-klima jista’ jiġi mitigat jekk verament niġbdu ħabel wieħed.
Hi spjegat kif dan il-proġett se jkun ta’ spalla lil kull intrapriża li tipparteċipa fih.
Qalet, “Għalhekk ġie mniedi dan il-proġett WeMake. Biex inkunu nistgħu inqassmu informazzjoni, kemm ta’ kif wieħed jista’ jagħmel u jintegra fl-intrapriża tiegħu, elementi iktar effiċjenti, kif ukoll kif jista’ jsib sapport finanzjarju biex ikun jista’ jagħmel dan.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija, Manuel Sapiano, stqarr li dan il-proġett se jservi wkoll ta’ eżerċizzju sabiex tinġabar informazzjoni utli dwar l-użu tal-ilma fil-fabbriki.
Qal, “Dan il-proġett se jkun qed jippermettielna li nidħlu fil-fond tal-konsum tal-enerġija u ilma ta’ diversi realtajiet fis-settur tal-manifattura. B’hekk inkunu nafu l-isfidi speċifiċi li kull operatur għandu.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb għalqet b’appell lill-intrapriżi kollha eleġibbli sabiex jieħdu din l-opportunità biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.
Spjegat, “L-appel tiegħi huwa li jirreġistraw ma’ dan il-proġett. Se jkun il-bidu ta’ numru ta’ inizjattivi. Jiġifieri dan il-proġett qed nimmiraw li jkun hemm bejn tmenin u mitt kumpanija li jieħdu sehem fih, u minn dan il-proġett joħorġu numru ta’ inizjattivi oħra li jkunu jistgħu jgħinu f’din il-mixja lejn użu aħjar tar-riżorsi tagħna u enerġija aktar nadifa.”