Ġie mniedi l-proġett imsejjaħ ‘Active Control Sidestick for Aircraft Ground Operation, fil-qosor ACSAGO, li permezz tiegħu ġiet żviluppata active side-stick li se tgħin lill-bdoti jikkontrollaw il-veloċità u d-direzzjoni tal-ajruplan waqt li jkun fuq ir-runway. Dan se jwassal biex il-bdoti jkollhom bżonn jużaw inqas kontrolliwaqt li l-ajruplan ikun qed jinsaq fuq l-art qabel it-tluq jew wara l-inżul tiegħu.
Il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn l-Istitut tat-Teknoloġija Ajruspazjali tal-Università ta’ Malta u QuAero Ltd, kumpanija lokali li toffri konsulenza dwar l-avjazzjoni,. Il-proġett ġie ffinanzjat permezz tal-programm nazzjonali FUSION R&I, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). Il-proġett tħabbar fil-kumpless tal-Esplora, fil-Kalkara.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li proġetti bħal dawn huma fundamentali għax itejbu l-operat ta’ diversi ħaddiema. Irrimarka li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma eċċezzjonali ta’ diversi riċerkaturi li, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, twassal għal proġetti innovattivi
Iċ‑Chairman Eżekuttiv tal‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, fisser li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa dipendenti mill-innovazzjoni. Għaldaqstant, permezz tal-programm FUSION u programmi oħrajn, l-MCST huwa kommess li jkompli jaħdem qatigħ, sabiex jikkultiva l‑innovazzjoni u jinkoraġġixxi r‑riċerka.