F’konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq it-tielet pjan ta’ immaniġġjar tal-ilma f’Malta.
Dan huwa proċess mitlub taħt id-Direttiva Ewropea dwar il-Politika tal-Ilma mmexxi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega l-għan wara din il-konsultazzjoni.
Sapiano stqarr, “L-iskop tal-konsultazzjoni huwa illi nitkellmu man-nies hemm barra u nsaquhom jekk hemmx issues oħra, taqblu magħna, liema huma l-iktar importanti għalikom, x’qed jaffettwakom l-iktar u b’hekk ikollok ukoll viżwal forsi differenti minn tagħna pero ħafna drabi mportanti għax l-ilma jolqot il-ħajja ta’ dak li jkun”.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma, Michael Farrugia qal li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern nieda investiment sinfikanti fis-settur tal-ilma fejn saru żviluppi importanti li qed itejbu l-operat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jiddiversifikaw is-sorsi ta’ provvista tal-ilma.
Semma wkoll il-proġett ta’ Wied il-Qlejgħa u l-iżvilupp ta’ sistemi avvanzati ta’ monitoraġġ tal-ilma tal-pjan.
Il-Ministru Farrugia saħaq, “Għas-snin li ġejjin ħa nkunu qegħdin nagħmlu proposti ghal distribuzzjoni aħjar tal-ilma, titjieb tal-impjanti tal-produzzjoni tal-ilma, titjieb tat-tisfija tad-drenaġġ u anke użu aħjar tal-underground water. Kif ukoll kif nistgħu nilqgħu aħjar l-ilma tax-xita biex parti minnu ma jibqax jintilef ġewwa l-baħar imma fl-istess ħin nnaqsu l-għargħar minn ġot-toroq tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia saħaq li l-ilma għandu rwol ċentrali fl-ambjent u s-saħħa tal-ekosistemi.
Niftakru wkoll li l-biodiversita u allura s-sostenn tal-ilma huwa mportanti għax li jkollok skarsezza u jkollok diversi speċi jew jintilfu jew jispiċċaw darba għal dejjem. Għall-ewwel darba ħa jkollna pjan ħolistiku fejn jidħol l-ilma kollu”. Temm jgħid il-Ministru Farrugia.