Għas-6 darba konsekuttiva, ġie mniedi l-Premju Soċjetà Ġusta. F’dan l-avveniment prestiġġjuż, jiġi ċċelebrat l-ammont kbir ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni tan-nies li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità.
Settur li jirrikjedi d-determinazzjoni u l-perseveranza tal-persuni li minkejja l-ostakli li toħloq is-soċjeta’ jiffjorixxu u magħhom hemm l-impenn u l-għaqda sabiex jintlaħaq għan wieħed, soċjetà ġusta.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità, Oliver Scicluna spjega kif jħares ‘il quddiem biex kulħadd igawdi għajxien indipendenti, saħħa, edukazzjoni u impjieg u biex kull persuna, irrispettivament minn xi diżabilità li għandha, jkollha dritt li tipparteċipa fil-ħajja soċjali u anke politika.
Ma’ ONE News huwa elenka l-premji differenti offruti.
Scicluna stqarr: “Għandek il-premju għall-kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabilità, għandek il-premju għall-hidma fit-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, għandek premju soċjetà ġusta li huwa wieħed mill-aktar premji li jkollna applikazzjonijiet għalih fil-fatt, premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, fl-arti u fil-kultura u għandek il-premju għall-aktar kumpanija jew organizzazzjoni li topera b’mod inklussiv.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal- Persuni b’Diżabilità saħaq li premju bħal dan jirrikonoxxi s-sagrifiċċju li jagħmlu dawn l-individwi, l-għajnuna li jagħtu, il-volontarjat u mħabba bla ebda kundizzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr: “Aħna rridu li kull individwu jgħix il-ħolma ta’ ħajtu u allura ma rridu li jkun hemm l-ebda barrikata li xxekkel lil xi ħadd minnha milli jagħmel dan.”
Il-pubbliku jista’ jissottometti nomini għal ħames premjijiet.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Uffiċċini tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva, mill-Kunsilli Lokali jew minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt u jintbagħtu b’mod elettroniku fuq socjetagusta@gov.mt jew bil-posta fuq l-indirizz tas-Segretarjat Parlamentari.