Il-premju servizz bi tbissima qed jingħata għat-tieni darba, biex jinkoraġġixxi relazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-konsumaturi u min ibiegħ.
Illum tnieda t-tieni edizzjoni ta’ dan il-premju, bil-ghan li jagħraf lill-bejjiegħa u dawk li jipprovdu servizz, meta jaqdu l-klijenti tajjeb u jkollhom servizz tajjeb wara l-bejgħ.
Il-premju ġie mniedi mill-Ministru Helena Dalli. L-iskop huwa li jinkoraġġixxi prattiċi ta’ negozju li huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Huwa miftuħ għan-negozji kollha li jipprovdu prodotti jew joffru xi tip ta’ servizzi lill-konsumaturi.
Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ntagħżlu minn ġurija u l-għażla kienet ibbażata fuq il-kodiċi ta’ kondotta marbut ma’ dan il-premju. Biex intgħażlu, ġie vverifikat jekk kienx hemm ilmenti kontra l-applikanti u ġie vverifikat kif dawn l-ilmenti ġew solvuti.
B’differenza din id-darba l-konsumaturi ser ikollhom rwol ewlieni fl-għażla tar-rebbieħa għaliex ser ikunu huma stess li ser jivvutaw lin-negozji li verament jagħtu servizz bi tbissima. Il-votazzjoni ser issir onlajn permezz tal-paġna tal-facebook tal-MCCAA u kif ukoll permezz tas-sit elettroniku tal-MCCAA. Ir-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima ser jitħabbru waqt serata li ser tittella f’Ottubru li ġej.