Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar kif nieda portal li fih kull edukatur se jkun qed ikollu l-aċċess biex jagħmel rapport fuq imġieba mhux xierqa fl-iskejjel. Fi stqarrija l-Ministeru tenna kif mhux se jkun qed jittollera vjolenza fuq ebda edukatur jew impjegat fl-iskejjel. Dan b’rabta mas-survey maħruġ mill-Malta Union of Teachers fuq imġiba aggressiva fl-iskejjel
Spjega kif minkejja li nnota li dan mhux survey xjentifiku kif immarkat mill-union, il-Ministeru se jieħu passi immedjati biex l-esperjenzi li ġew deskritti ta’ imġiba aggressiva u vjolenti fuq edukaturi jkomplu jiġu mwieġba.
Għaldaqstant il-Ministeru se jkun qed iniedi portal—www.edu.gov.mt/support—fejn kull edukatur fl-iskejjel jista’ jagħmel rapport fuq kull tip ta’ imġiba mhux xierqa li qed jaffaċċja.
Għall-fini ta’ trasparenza, fl-aħħar tas-sena skolastika se nkunu qed nippubblikaw in-numru ta’ rapporti li daħlu. Kull rapport se jkun segwit mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi fi ħdan il-Ministeru biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Apparti dan, fil-baġit li għadda ġew allokati €280,000 għal sistemi ta’ sigurtà fejn se nkomplu ninvestu u nuru l-impenn ta’ dan il-gvern għal aktar sigurtà fl-iskejjel tal-istat.
Sadanittant, tajjeb li wieħed isemmi li f’dal-aħħar sena u anke matul din is-sena skolastika baqgħu għaddejjin sensiela ta’ programmi fuq kif il-kapijiet tal-iskejjel u anke l-assistenti kapijiet jassistu l-benesseri u jkabbru l-kompetenzi tagħhom. Il-Ministeru ħadem ukoll biex il-programm mogħti lill-uffiċjali pubbliċi, jiġifieri tal-Employee Support Programme (ESP), ikun adattat għall-edukaturi u qiegħda ssir promozzjoni tiegħu u qed jingħata wkoll taħriġ fl-iskejjel u l-kulleġġi minn uffiċjali fi ħdan l-ESP. Rigward dan, dejjem kien hemm l-appoġġ tas-servizzi ta’ sapport fi ħdan il-Kulleġġ u d-Dipartiment tas-Servizzi Nazzjonali għas-Sapport tal-Iskejjel
Il-Ministeru reġa’ tenna li l-imġiba aggressiva kontra l-edukaturi ser tkun qed tiġi ttratata b’tolleranza zero. Propju fid-dawl ta’ dan, il-gvern se jkun qed iħarrex il-liġijiet għal kull tip ta’ aggressjoni jew vjolenza li sseħħ f’istituzzjoni edukattiva, biex naraw li jkun hemm iżjed pieni ħorox f’dan ir-rigward.