Tnieda pjan strateġiku maħsub biex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jġedded il-missjoni tiegħu u jorganizza mill-ġdid ir-riżorsi fi ħdanu.
Dipartiment li jwassal ħafna benefiċċji fil-komunitajiet ta’ pajjiżna, u l-ħidma fih tvarja minn xogħlijiet żgħar sa kbar, kif ukoll diversi servizzi tekniċi.
L-għan tal-pjan strateġiku hu li jżid it-taħriġ u l-iżvilupp tan-nies fi gradi tekniċi u industrijali li qed jingħata għall-ewwel darba mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.
Fl-isfond ta’ sena ta’ ppjanar u twettiq bl-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti importanti, il-Ministru Ian Borg ħeġġeġ lill-uffiċjali kollha biex jipparteċipaw bis-sħiħ f’din ir-riforma bil-għan li dejjem jitjieb l-operat.
Il-Ministru Ian Borg stqarr “Fadal in-nies li rridu nħarrġuhom u nirridimensjonaw l-iskop tiegħu li huwa relevanti ħafna. Per eżempju dan ħa jkun id-Dipartiment responsabbli mill-Malta National Park. L-ikbar park nazzjonali, l-uniku park nazzjonali, daqs sittin grawnd tal-futbol, li se jkun qed jiġi ppjanat u segwit fl-implimentazzjoni proprju minn dan id-Dipartiment u allura nħares ’il quddiem li din ir-riforma tkompli tħalli l-frott li fl-aħħar mill-aħħar ma jitgawdiex biss min-nies taċ-ċivil imma mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
It-tnedija saret f’laqgħa interministerjali bħala parti mis-sensiela “Ppjanar u Twettiq”, organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Matulha, il-kap taċ-ċivil Mario Cutajar qal li koperattivi bħal dawn huma opportunità biex il-ħaddiema jaqilgħu aktar flus, u n-nies ikollhom iżjed sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol.